Left arrow Go Back

NIFTĦU BIBIEN BERAĦ GĦAL TKABBIR EKONOMIKU BLA PREĊEDENT

pr140033
Date Icon 10/01/2014

“L-għażla li għandna quddiemna hija bejn l-ekonomija tal-passat u l-ekonomija tal-futur. Dan il-Gvern qed jagħżel li jiftaħ il-bibien beraħ għal tip ta’ tkabbir ekonomiku bla preċedent f’pajjiżna. B’hekk, Malta tkun f’pożizzjoni li tegħleb kull sfida skond il-prioritajiet ta’ kull wieħed u waħda minnha”. Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jindirizza lill-imsieħba soċjali dwar il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.

Dr Muscat spjega kif illum Malta qegħda f’sitwazzjoni ekonomika aħjar mis-sena li għaddiet. Fl-aħħar 9 xhur inħolqu 5,000 post tax-xogħol ġdid, ir-rata tal-inflazzjoni kienet fl-inqas livelli tal-aħħar snin u l-indikjazzjonijiet huma li pajjiżna se jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu. “Tistaqsuni allura x’kellna x’nambuh dan il-programm? Il-Gvern konvint li se jirnexxi. Dan il-programm se jagħti injezzjoni ta’ madwar biljun ewro. Jiġifieri dan il-programm waħdu se jħalli f’Malta aktar mill-fondi kollha li pajjiżna jieħu mill-Unjoni Ewropea fuq medda ta’ 7 snin mingħajr ma jagħti xejn lura”, qal il-Prim Ministru.

L-għan prinċipali tal-Gvern huwa li jibda jitħaddem il-Fond għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali biex jiffinanzja proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni, tas-saħħa, tas-servizzi soċjali, tal-ħolqien tal-impjiegi, tal-innovazzjoni u setturi oħra li s-soċjeta ċivili tista tressaq ‘il quddiem.

Il-Prim Ministru fisser kif il-programm għadda mill-Parlament imma l-Gvern ried jiddiskuti mal-Oppożizzjoni qabel ħareġ ir-regolamenti ta’ kif se jitħaddem. Is-siegħat twal ta’ diskussjoni ma ħallewx frott minkejja li ż-żewġ naħat qalu li kienu qrib li jilħqu ftehim. “Għalhekk żgur li l-konsultazzjoni ma kinitx finta kif ipprova jgħid ftit tal-jiem ilu l-Kap tal-Oppożizzjoni”, qal Dr Muscat.

Il-Gvern iċċaqlaq mill-pożizzjoni oriġinali tiegħu u llum kulħadd jista jara bidliet sostanzjali bbażati fuq il-proposti ta’ kompromess li tressqu miċ-chairman tal-MFSA l-Professur Joe Bannister u mill-Kamra tal-Kummerċ. Il-Prim Ministru qal li issa teżisti l-bażi eċċelenti li fuqu l-programm jista jibda jitwettaq b’suċċess.

Kif seta jara kulħadd fil-meżżi tax-xandir internazzjonali, Malta m’hijiex waħedha li qed tħares f’din id-direzzjoni u fix-xhur li ġejjin pajjiżi oħra se jersqu lejn programmi simili. “Irridu nagħmlu għażla”, qal Dr Muscat, “jew inkunu leaders u ndaħħlu programm li jaħdem jew nibqgħu kif aħna u meta naraw lil ħaddieħor jimplimenta inizjattivi bħal dawn noqgħodu nikkupjawhom”. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar in-nuqqas ta’ verita li qed tingħad dwar dan il-programm. Mhux minnu li l-operaturi lokali jridu jgħaddu minn konċessjonarju iżda, kif intqal diġa, service provider Malti jista jmur dirett għand Identity Malta u japplika għal klijenti tiegħu. Mhux minnu lanqas li l-konċessjonarji jistgħu jaħrab bil-flus.

Kien hemm ukoll sejħa mill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex sakemm issir diskussjoni fil-Parlament dwar ir-regolamenti tal-programm m’għandux ikun hemm granting ta’ ċittadinanza. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni ma fehem xejn għaliex ir-regolamenti stess jgħidu li wieħed ma jistax jingħata ċittadinanza qabel 6 xhur u l-proċess ta’ due diligence jista jieħu sa massimu ta’ sentejn. Għalhekk din kien skoretezza kbira tal-Oppożizzjoni”, qal Dr Muscat.

Il-Prim Ministru temm jgħid li l-punt prinċipali jibqa fejn irridu nieħdu lil dan il-pajjiż. “Jew Malta li ssegwi pajjiżi oħra. Jew Malta li tmexxi mudelli ġodda ta’ tkabbir ekonomiku. Dan il-Gvern qed jimxi fuq it-tieni għażla”.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow