Il-FORUM EKONOMIKU DINJI JIKKLASIFIKA LIL MALTA FL-24 POST MINN 140 PAJJIŻ MADWAR ID-DINJA F’INDIĊI TAL- KOMPETITTIVITÀ FIT-TURIŻMU
Pajjiżna javvanza żewġ postijiet ’il fuq mill-aħħar rapport li kien sar fis-sena 2011
Malta għadha kemm klassifikat fl-erbgħa u għoxrin post minn total ta’ mija u erbgħin pajjiż minn madwar id-dinja f’dak li huwa magħruf bħala Indiċi tal-Kompetittività u l-Ivjaġġar fit-Turiżmu għas-sena 2013 magħmul mill-Forum Ekonomiku Dinji.
Ir-riżultati miksuba jfissru li pajjiżna rnexxielu javvanza żewġ postijiet ’il fuq mill-aħħar rapport li kien sar fl-2011 meta dakinhar Malta kienet ikklassifikat fis-sitta u għoxrin post.
B’indiċi ta’ 4.92, Malta rnexxielha tegħleb pajjiżi ferm akbar li huma wkoll membri fl-Unjoni Ewropea fosthom l-Italja, il-Greċja, il-Polonja, il-Bulgarija, Ċipru u l-Estonja.
L-Iżvizzera u l-Ġermanja baqgħu jżommu l-ewwel żewġ postijiet rispettivament kif kienu fl-2011, segwiti mill-Awstrija u l-Ingilterra. L-Istati Uniti kklasifikat fis-sitt post.
Dan kien il-ħames rapport ta’ din ix-xorta maħruġ mill-Forum Ekonomiku Dinji bit-tema din id-darba tkun “Reducing Barriers to Economic Growth and Job Creation”. Ir-rapport jikklassifika mal-mija u erbgħin pajjiż differenti minn madwar id-dinja skont il-kapaċità tagħhom li jiżviluppaw l-industriji tat-turiżmu u l-ivvjaġġar.
Dan ir-riżultat pożittiv għal Malta fil-qasam tal-kompetittività fit-turiżmu u l-ivjaġġar isegwi l-andament ferm pożittiv li rreġistra pajjiżna fl-aħħar xhur fis-settur tat-turiżmu, bl-2013 tkun l-aktar sena li fiha qatt waslu turisti f’Malta – ċifra ta’ 1,516,807 turist li ntlaħqet sa Novembru 2013. Bejn ix-xhur ta’ Settembru u Novembru, pajjiżna wkoll irreġistra żidiet sostanzjali fuq l-istess perjodu tal-2012.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en