Left arrow Mur Lura

NERSQU AKTAR LEJN ĦAJJA SOSTENIBBLI JEKK INBIDDLU X-XEJRIET TAL-KONSUM TAGĦNA

pr140015
Date Icon 08/01/2014

L-aħjar kejl biex bih naraw kemm se jirnexxilna nagħmlu ħajjitna aktar sostenibbli huwa billi naraw b’kemm u b’liema rata ser jirnexxilna nbiddlu x-xejriet tal-konsum tagħna. Jeħtieġ li nkunu dejjem lesti li naħdmu favur l-innovazzjoni u l-bidliet meħtieġa għaliex fin-nofs hemm l-ekonomija ta’ pajjiżna, saħħitna, l-ambjent u r-riżorsi naturali ta’ gżiritna.

Qal dan il-Ministru Leo Brincat meta kien qiegħed jindirizza attività organizzata fil-Kullegg Sta. Margerita Sekondarja Subien, Verdala, b’kontinwazzjoni  mal-Global Education Week 2013, ‘Go for a Sustainable Lifestyle!’

Il-Ministru Brincat qal li din ix-Xitwa qed jispikkaw fl-Ewropa maltempati kbar f’diversi nħawi, kif ukoll fid-dinja qegħdin naraw firxa eżaġerat ta’ faqar f’diversi bliet u rħula. Dawn u oħrajn huma konferma tal-mod mhux sostenibbli kif qed tiżviluppa l-ħajja ta’ madwarna.

Fl-istess waqt li din is-sena f’pajjiżna ser inkunu qegħdin infakkru anniversarji importanti marbuta mal-Indipendenza u l-Ħelsien, pajjiżna jibqa’ dipendenti fuq pajjiżi u ġnus oħra fejn jidħol klima, ambjent u t-tessut soċjo-ekonomiku.

Il-Ministru Leo Brincat qal li l-2014 għandha tkun s-sena ta’ twettieq favur arja aktar nadifa. Kejl importanti f’dan il-qasam ser ikun kemm in-nies ser  jibqgħu jużaw it-trasport privat tagħhom wara li jsseħħ ir-riforma fit-trasport pubbliku. 

Qal li jekk pajjiżna ma jkunx professjonali fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart nistgħu nispiċċaw ngħaddu minn esperjenzi koroh li għaddew minnhom il-Greċja u Napli fost oħrajn. Jinħtieġ li jitnaqqas sostanzjalment l-ammont ta’ skart li jispiċċa fil-landfills tagħna, aktar u aktar billi għandna spazju żgħir u fl-istess ħin l-ogħla densità ta’ popolazzjoni fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Brincat tkellem dwar l-effett tat-tibdil fil-klima mhux biss fuq il-kwantità tal-ilma iżda wkoll fuq il-kwalità tal-ilma f’pajjiżna. Skont il-Ġnus Magħquda fis-snin li ġejjin in-nuqqas ta’ ilma jista’ jkun kawża ewlenija ta’ kunflitti internazzjonali.

Huwa saħaq li għandna nagħtu importanza kbira lix-xjenza għaliex b’dan il-mod inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u infurmati tajjeb f’oqsma bħall-enerġija, skart, ħamrija, bijodiversità u anke kwalità tal-ajra.

Il-Ministru Leo Brincat temm jgħid li l-ħajja jssir aktar sostenibbli meta nindirizzaw l-erba’ pilastri ewlenin tagħha – dawk ekonomiċi, ambjentali, soċjali u kulturali.

Minn naħa l-oħra l-Ministru Evarist Bartolo semma l-importanza ta’ inizjattivi bħall-Global Education Week biex minn età żgħira jissaħħu kunċetti importanti fit-tfal tagħna. 

Huwa semma li l-iskejjel, kemm dawk primarji kif ukoll dawk sekondarji, jagħmlu numru kbir ta’ inizjattivi matul is-sena biex isaħħu t-tagħlim f’dan il-qasam u jqajmu kuxjenza fuq diversi sfidi soċjali u ambjentali li jiffaċċja pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow