JAQBŻU L-74 ELF LI ŻARU BETHLEHEM F'GĦAJNSIELEM
Ir-riħ qawwi, xita u l-kesħa fina ma qatgħux qalb lill-eluf ta' persuni li żaru Bethlehem f'Għajnsielem fi tmiem il-ġimgħa.
Minn stħarriġ li sar mill-Organizzaturi tul l-erba' ġimgħat sal-Ħadd filgħaxija kienu żaru l-attrazzjoni aktar minn 74,000 persuna inkluż elfejn tifel u tifla li żaru Bethelehem waqt jumejn attivitajiet organizzati esklussivament għall-iskejjel.
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo rringrazzja lill-kumitat organizzattiv li ħejja Bethlehem f'Ghajnsielem, lill-voluntiera kollha li ħadmu għal dawn l-aħħar xhur biex setgħu jlestu l-proġett fil-ħin, lill-media li appoġjaw bi sħiħ l-inizjattiva u lill-eluf li attendew bi ħgarhom u reġgħu għexu l-ikbar ġrajja li seħħet elfejn sena ilu t-twelid ta' Ġesu Bambin.
Il-Ministru Refalo qal li wara l-evalwazzjoni li se ssir dwar Bethlehem f'Għajnsielem, immedjatament se tibda l-ħidma biex Għawdex ikun irreklamat ħhala destinazzjoni partikolari għal Milied b'inizjattivi varji mifruxa ma' Għawdex kollu u dan minn xhur qabel ħalli anke l-operaturi fil-qasam tat-turiżmu jkunu jistgħu jdaħħlu fil-brochures tagħhom l-inizjattivi tal-Milied f'din il-gżira reġjun.
Il-Ministru għal Għawdex żvela kif waqt il-perjodu li kien għaddej Bethlehem f'Għajnsielem il-Gozo Channel ġarret 79,727 persuna u 14,986 vettura aktar mis-sena l-oħra meta ma kienx organizzat Bethlehem f'Għajnsielem.
Bejn l-14 ta' Diċembru 2012 u l-5 ta' Jannar 2013 meta ma kienx organizzat Bethlehem f'Għajnsielem l-Gozo Channel kienet ġarret 200,079 passiġġieri u 59,364 vettura, filwaqt li din is-sena l-kumpanija ġarret 279,806 passiġġier u 74,350 vettura. Is-Sibt 4 ta' Jannar 2014 kienet l-aktar ġurnata li qasmu persuni miċ-Ċirkewwa lejn l-Imġarr, fejn qasmu 15,827 passiġġier.
Il-Ministru għal Għawdex irringrazzja lil dawk kollha li taw servizz lil dawk li żaru din il-gżira f'dan il-perjodu l-aktar lill-ħaddiema tal-Gozo Channel, dawk fit-trasport pubbliku u l-pulizija.
Il-Ministru Anton Refalo qal li operaturi varji mifruxa madwar Għawdex kollu rrappurtaw b'sodisfazzjoni żieda fin-negozju tagħhom meta mqabbel mas-snin l-oħra l-aktar fuq is-sena 2012/2013 meta Bethlehem f'Għajnsielem ma kienx organizzat.
Fl-edizzjoni tas-sena 2013 ħadu sehem b'kollox aktar minn 200 attur inkluż tnax il-tarbija li jirrapreżentaw lil Ġesù Bambin. Wieħed seta’ jara 25 tip ta' annimali u tjur differenti.
Fatt kurjuż li ħareġ tul Bethlehem f'Għajnsielem kien li fil-jum tal-Ħadd 29 ta' Diċembru 2013, meta żaru l-presepju ħaj numru rekord ta' aktar minn għaxart elef persuna.
Tul il-perjodu kollu kemm dam miftuħ Bethlehem f'Għajnsielem l-Emergency Rescue Response Corps (ERRC) kienu preżenti fuq il-post għal kull emerġenza li setgħet tinqala'.
Din kienet l-ħames edizzjoni ta' Bethlehem f'Għajnsielem u l-Kumitat Organizzattiv kien kompost mill-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem, il-Ministeru ta' Għawdex, il-Parroċċa Madonna ta' Loretu u l-Għaqdiet kollha ta' Għajnsielem.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en