EDIZZJONI IKBAR U IŻJED AMBIZZJUŻA TAL-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-BAROKK 2014
Kien is-suċċess kbir u mhux mistenni ta’ l-ewwel edizzjoni tal-Valletta International Baroque Festival li sar is-sena l-oħra u li għalih kienu attendew ‘il fuq minn 6000 persuna li ħeġġeġ lill-organiżżaturi biex jorganiżżaw it-tieni edizzjoni li se ssir bejn l-10 u s-26 ta’ Jannar li ġejjin, liema Festival se jkun jinkludi wkoll tlett weekends ta’ kunċerti Barokki għall-familja kollha kif ukoll il-Ballu Barokk.
Id-dettalji kollha tal-programm ta’ din is-sena tħabbru waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li kienet indirizzata minn Kenneth Zammit Tabona, Direttur Artistiku tal-Valletta International Baroque Festival, mill-Onorevoli José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali u minn Dr Michael Grech, Chairman tat-Teatru Manoel, l-organizzatur tal-Festival.
Fid-diskors tiegħu, Kenneth Zammit Tabona spjega kif dan il-festival huwa wieħed uniku grazzi għall-postijiet fejn jittellgħu il-kunċerti fosthom knejjes, palazzi u teatri Barokki ġewwa l-Belt Valletta li jkomplu jippromwovu l-identità barokka tal-belt kapitali tagħna. Din is-sena fil-fatt se jittellgħu kunċerti ġewwa s-sala tal-Mużew ta' l-Arkeoloġija f'dik li kienet il-Berġa ta' Franza, fis-sala ta’ San Mikiel u San Ġorġ ġewwa l-Palazz tal-President, fil-knejjes ta’ San Nikola, tal-Ġiżwiti, f’Santa Katerina ta’ l-Italja, Ta’ Ġieżu, fil-Katidral ta’ l-Anglikani, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u ovvjament fit-Teatru Manoel, il-qalba kulturali u ħajja f’Malta.
“Dan il-Festival, li beda bħala idea ambizzjuża, malajr kiseb ħafna popolarità kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta minħabba l-postijiet uniċi fejn jittellgħu il-kunċerti kif ukoll għall-programm rikk ta’ kunċerti minn uħud mill-aqwa artisti lokali u internazzjonali ta’ mużika barokka. Din is-sena, il-Festival mistenni jkun esperjenza ferm aqwa u qed nistennew bil-ħerqa dawn it-tlett ġimgħat ta’ estravaganza barokka,” qal id-Direttur Artistiku Kenneth Zammit Tabona.
“Il-Festival din is-sena se jibda nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Jannar ġewwa l-Knisja Ta’ Ġieżu bix-xogħol monumentali ta’ Bach, il-Messiah imtella’ mill-Anon u l-Goldberg Ensembles taħt it-tmexxija tas-surmast Michael Laus. Wara dan, ikun imiss il-produzzjoni interessanti u unika bil-marjonetti f’parodija tax-xogħol Hypolite et Aricie ta’ Rameau mis-Centre de la Musique de Versailles. Dan ix-xogħol dritt minn Versailles se jittella’ ġewwa t-Teatru Manoel għall-ewwel darba matul l-ewwel tmiem il-ġimgħa; is-Sibt 11 ta’ Jannar filgħaxija, segwit minn attività minn Toi Toi il-Ħadd 12 ta’ Jannar filgħodu u b’matinee fil-5 ta’ wara nofsinhar u produzzjoni speċjali għat-tfal ta’ l-iskola nhar it-Tnejn 13 ta’ Jannar filgħodu.
Is-sena 2014 qed tfakkar il-250 anniversarju mill-mewt ta’ Jean-Philippe Rameau, wieħed mill-iżjed kompożituri Franċiżi l-iżjed importanti ta’ l-era Barokka. Għalhekk, m’hemm l-ebda sorpriża fil-fatt li l-edizzjoni tal-festival 2014 se tkun qed tfakkar dan l-anniversarju b’erba’ produzzjonijiet ta’ Rameau. Fil-fatt, it-tlett kunċerti l-oħra b’xogħol ta’ Jean Philippe Rameau se jkunu Galerie des Portraits nhar is-16 ta’ Jannar mill-artista tal-klaviċemblu Beatrice Martin u Les Folies Francoises, Airs Enchantees minn Kolner Akademie nhar it-23 u Villains and Lovers minn Les Bougies Baroques nhar is-26 ta’ Jannar.
Is-sur Zammit Tabona semma wkoll kif l-edizzjoni ta’ din is-sena se tkun tinkludi wkoll erba’ produzzjonijiet reliġjużi kbar. Il-quddiesa ta’ Bach magħrufa aħjar bħala B Minor Mass li se tittella’ minn The English Concert mis-surmast magħruf Harry Bicket ġewwa l-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann nhar it-Tnejn 13 ta’ Jannar se tkun bla dubju waħda mill-aqwa kunċerti. Imbagħda minbara l-Messiah ta’ Handel mill-Goldberg u l-Anon Ensembles immexxija minn Michael Laus il-Ġimgħa 10 ta’ Jannar, se jittella’ kunċert speċjali fejn il-mużika ta’ Bach se titlaqqa’ ma’ l-iStabat Mater ta’ Pergolesi bis-sehem tal-kontro-tenur ta’ fama internazzjonali Max Emmanuel Cencic nhar il-21 ta’ Jannar filwaqt li l-Vespri ta’ Monteverdi se jitkantaw nhar it-18 ta’ Jannar.
Il-Festival din is-sena se jkun jinkludi tlett iĦdud Barokki b’kunċerti u attivitajiet għall-familja kollha. L-attivitajiet li se jsiru filgħodu, kmieni u tard wara nofsinhar mistennija jqajjmu ‘l Belt Valletta hekk kif il-pubbliku se jkun jista’ jattendi minn attivita għal-oħra il-ġurnata kollha.
L-ebda festival barokk ma jkun komplut mingħajr ftit mix-xogħol mill-aqwa ta’ Bach u din is-sena mhiex se tkun eċċezzjoni fejn nhar l-14 ta’ Jannar, Concerto Koln se jdoqqu l-Brandenburg Concertos. L-għada, 15 ta’ Jannar se jittella’ kunċert ħelu b’mużika ta’ Bach fuq żewġ pjanijiet mis-solisti Marco Sollini u Salvatore Barbatano flimkien ma’ l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta mmexxija minn Michael Laus. Nhar it-18 ta’ Jannar imbagħad, se jittella’ kunċert interessanti tal-Goldberg Variations fuq il-kuntrabaxx, il-vjolin u l-vjola filwaqt li nhar is-26 ta’ Jannar, il-pjanista Maltija Joanne Camilleri li dan l-aħħar niedet CD tagħha, se ddoqq mużika ta’ Bach.
Is-sur Zammit Tabona irringrazzja lill-Gvern ta’ Malta għall-għajnuna b’riżq dan il-proġett ambizzjuż li se jkompli jisħaq il-preżenza ta’ Malta fuq il-mappa ta’ turiżmu kulturali kif ukoll isaħħaħ il-wirt kulturali tagħna. Huwa rringrazzja wkoll lill-isponsors ewlenin li għal darb’oħra reġgħu ikkommettew ruħhom b’riżq il-Festival ta’ din is-sena fosthom l-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu, il-Lukanda Phoenicia, l-Air Malta, l-ADRC Trust, Tipico u Island Caterers flimkien mal-Fondazzjoni tal-Kon-Kattidral ta’ San Ġwann u Valletta 18.
Huwa w jirringrazzja lill-organiżżaturi tal-Festival, l-Onorevoli Jose Herrera esprima l-fiduċja tiegħu li din it-tieni edizzjoni tal-Festival żgur li se jerġa’ jaqbeż l-aspettattivi. “Ninsabu ħerqana sabiex nesperjenzaw il-produzzjonijiet mill-aqwa li t-Teatru Manoel u t-tim tal-Festival fasslu għalina. Dan iwassalna għar-raġuni u l-ħsieb wara dan il-Festival li għandu jsebbaħ u jqajjem dan ix-xahar kwiet u kemmxejn imdallam. Fil-fatt, għalkemm ħafna kienu pessimisti dwar dan il-Festival, l-ewwel edizzjoni tas-sena l-oħra kienet suċċess kbir u kien għalhekk li l-Gvern iddeċieda li jerġa jgħin fil-produzzjoni ta’ din it-tieni edizzjoni.”
“Il-festival mhuwiex biss rivelazzjoni fuq livell artistiku iżda fuq livell iżjed fattwali, il-Festival ikompli jikkonferma lil Belt Valletta bħala sit uniku li kapaċi jiġbed lejh lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-ġeneru barokk, fosthom turisti li jżuru Malta propju għal dan il-Festival. Fil-fatt diġa hemm madwar elfejn turist li bbukkjaw sabiex jattendu għal dan il-Festival,” ħabbar l-On Herrera.
Għal aktar informazzjoni dwar il-programm u għall-bookings, wieħed jista’ jżur is-sit uffiċjali tal-Festival www.vallettabaroquefestival.com.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en