STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA - Titkompla l-istabbilità fil-prezzijiet tal-fuels u tal-gass sa’ Marzu li ġej
Il-Gvern qed ikompli bil-politika tiegħu ta’ stabbilità fil-prezzijiet tal-fuels. Kif kien tħabbar fil-budget, il-prezz tad-diesel mhux se jkun qed jiżdied waqt li l-prezz tal-petrol se jkun qed jiżdied b’ċenteżmu.
Permezz ta’ hedging li se jwassal ghal stabbilità fil-prezzijiet tal-fuels sa’ Marzu li ġej, il-prezz tad-diesel se jkun l-orħos wiehed fl-aħħar sena u nofs waqt li l-prezz tal-petrol se jkun it-tieni l-orħos fl-aħħar sena u nofs.
Dan kien possibli wara li saret ħidma biex tiġi mitigata ż-żieda fis-sisa tal-fuels, li għall-ewwel darba ma daħlitx fis-seħħ immedjatament wara l-budget.
Permezz tal-politika ta’ stabbilità fil-prezzijiet li qed jaddotta l-Gvern, m’humiex biss il-prezzijiet tal-fuels li se jibqgħu stabbli sa’ Marzu li ġej iżda anke il-prezz tal-gass (LPG).
Bil-prezz propost mill-kumpanija Liquigas, il-prezz ta’ ċilindru tat-tnax-il kilo sal-aħħar ta’ Marzu se jkun iffissat għall-massimu ta’ €19.20.
Dan ifisser li l-prezz tal-gass għal ċilindru ta’ 12-il kilo mhux se jkun qed jiżdied sal-aħħar ta’ Marzu. Dan grazzi wkoll għall-ħidma li saret mill-kumpanija Liquigas. Minħabba li l-qagħda preżenti fis-suq internazzjonali tal-gass hija waħda mqallba ħafna, li kieku ma saritx din il-ħidma, il-prezz kien se jkun ferm ogħla minn dak li ġie ffissat.
Din hija t-tieni darba li kemm il-prezzijiet tal-fuels kif ukoll tal-gass, ġew iffissati għal perjodu ta’ tlett xhur. Din il-politika tikkuntrasta mas-snin ta’ qabel fejn il-prezzijiet kienu jinbidlu kull xahar.
Minbarra li b’dan il-mod tinħoloq stabbilità ekonomika, il-familji u n-negozji ma jkollhomx għalfejn joqogħdu jinkwetaw dwar jekk hux se jkun qed jogħlew il-prezzijiet tal-fuels u tal-gass kull xahar.
Kemm il-familji kif ukoll in-negozji se jkunu jistgħu ikomplu jippjanaw għat-tliet xhur li gejjin u jkunu jafu x’se tkun in-nefqa tagħhom.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en