RESTAWR FIX-XAGĦRA BIL-GĦAN LI TITJIEB IL-KWALITÀ TAL-IRĦULA U JIŻDIED IT-TURIŻMU RELIĠJUŻ F’GĦAWDEX
“Il-gvern hu u se jibqa’ mpenjat li jaħdem ma’ entitajiet varji tal-knisja biex jagħtihom appoġġ fil-ħidma li qegħdin iwettqu l-aktar fil-qasam soċjali”. Qal dan il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo wara li ntlaħaq ftehim mal-Paroċċa tax-Xagħra ta’ għotja sostanzjali biex isir restawr fuq iz-zuntier. Il-Ministeru għal Għawdex ħa jkun qiegħed jiffinanzja l-materjal neċessarju għal dan il-proġett li jiswa madwar €106,000.
Il- Parroċċa tax-Xagħra kienet ilha titlob l-għajnuna biex ikun restawrat iz-zuntier tagħha li jinstab fi stat mhux daqstant tajjeb għal dawn l-aħħar erba' snin. Il-ftehim kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għal Għawdex, is-Sinjura Joyce Dimech, mill-Arċipriet tax-Xagħra Monsinjur Karm Refalo u l-amministratur tal-Kurja ta' Għawdex is-Sur Victor Gusman fil-preżenza tal-Ministru għal Għawdex Anton Refalo.
Dan il-proġett se jinkludi t-tibdil tal-pavimentar tal-konkrit li hemm illum permezz ta’ pavimentar bil-ġebla naturali. Se jsir il-kisi mill-ġdid tat-taraġ prinċipali bil-ġebla naturali, il-bini ta’ rampa ġdida biex ittejjeb l-aċċess għaz-zuntier flimkien ma’ bidla tas-sistema eżistenti tad-dawl għal sistema li taħdem bl-energy savers.
Dan il-proġett se jikkontribwixxi biex tissebbaħ il-pjazza tar-raħal. Se jkun hemm permess ta’ area ġdida li tkun riżervata għall-mixi fiċ-ċentru tar-raħal, fejn ħa titjieb l-aċċessibilità għall-persuni b’diżabbiltà u jitnaqqas l-konsum tal-enerġija. B’hekk se jiġu ndirizzati l-għanijiet tal-viżjoni ta’ Eko Għawdex.
Il-Ministru għal Għawdex qal li proġett ieħor li se jsib l-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex fiż-żmien li ġej huwa s-Santwarju Nazzjonali Ta' Pinu. Dawn il-proġetti ta’ restawr se jkunu qed jgħinu biex jikber it-turiżmu reliġjuż lejn Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en