JAQBŻU L-20,000 LI ŻARU BETHLEHEM F'GĦAJNSIELEM
Ir-riħ qawwi u l-kesħa fina ma qatgħux qalb lill-eluf ta' persuni li żaru Bethlehem f'Għajnsielem fi tmiem din il-ġimgħa. Ħafna minn dawk li attendew u li qasmu minn Malta preferew li jħallu l-karrozzi tagħhom iċ-Ċirkewwa biex jevitaw il-kju.
Minn stħarriġ li sar mill-Organizzaturi jirriżulta li sal-Ħadd filgħaxija kienu żaru l-attrazzjoni aktar minn 20,000 persuna inkluż elfejn tifel u tifla li żaru Bethlehem matul il-ġimgħa.
Kelliem għall-Kumitat Organizzattiv ikkonferma li din il-ġimgħa jaslu 37 resident minn Tolfa, l-Italja biex jingħaqdu mal-atturi l-oħra li qegħdin janimaw Bethlehem f'Għajnsielem. B'kollox qegħdin jieħdu sehem aktar minn 150 attur inkluż tmien trabi li qegħdin jirrapreżentaw lil Ġesu' Bambin.
Il-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem hu ġemellat mal-Comune ta' Tolfa li jinsab 60 kilometru 'l barra minn Ruma b'popolazzjoni ta' 5,000 persuna.
Bħalissa għaddejjin l-aħħar preparamenti biex it-tliet slaten maġi jitilqu minn Tolfa fejn qiegħed jitħejja programm speċjali inkluż kampanja ta' informazzjoni dwar x'joffri Għawdex b'mod partikolari fi żmien il-Milied bl-attrazzjoni ewlenija hi Bethlehem f'Għajnsielem.
Din hija l-ħames edizzjoni ta' Bethlehem f'Għajnsielem u l-Kumitat Organizzattiv hu kompost mill-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem, il-Ministeru ta' Għawdex, il-Parroċċa Madonna ta' Loretu u l-Għaqdiet kollha ta' Għajnsielem.
Bethlehem f'Għajnsielem issa se jkun animat fil-Milied wara nofsinnhar u kuljum sal-Ħadd 29 ta' Diċembru, nhar l-Erbgħa l-1 ta' Jannar 2014 u s-Sibt 4 u l-Ħadd 5 ta' Jannar meta jkun hemm il-wasla tal-Maġi u l-adorazzjoni ta' Ġesu' Bambin.
Aktar tagħrif jista' jinkiseb minn www.ghajnsielem.com jew www.radjulauretana.com li għandu web cam li turi x'inhu għaddej f'Ta' Passi fejn fuq mhedda ta’ 20,000 metru kwadru qiegħed jittella' Bethlehem f'Għajnsielem.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en