JITĦABBAR IL-PROGRAMM MIBDUL GĦAL ĊITTADINANZA B’INVESTIMENT
Il-korpi kostitwiti spalla ma’ spalla mal-Prim Ministru
Il-Gvern aċċetta s-sejħa għall-kompromess u, bi qbil mal-korpi kostitwiti u l-operaturi involuti, nieda bidliet radikali li jassiguraw l-attrazzjoni tal-programm għal ċittadinanza b’investiment iżda li fl-istess waqt jindirizzaw il-punti mressqa mill-istakeholders u ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, l-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar id-dettalji ġodda tal-programm li tfasslu flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ, Finance Malta, MHRA u maċ-chairman tal-MFSA l-Professur Joe Bannister li lkoll kienu parteċipi fil-proċess ta’ konsultazzjoni li twettaq fl-aħħar ġimgħat.
“Dan mhux Gvern supperv. Dan huwa Gvern li jisma’. Kien jidher ċar li n-nies riedu dan il-programm iżda rieduh mibdul minn kif konna qed nipproponuh oriġinarjament”, qal il-Prim Ministru. Spjega kif il-pożizzjoni tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni kienu ’l bogħod ħafna fil-bidu tal-proċess iżda d-diskussjonijiet wasslu għal proposti ta’ kompromess. Dr Muscat qal li l-Oppożizzjoni setgħet, u għadha tista’, tkun parti mill-għaqda ta’ konsensus li ffurmat dwar dan il-programm. “Il-bieb għall-Oppożizzjoni xorta se jibqa’ miftuħ. Nemmen li, b’ċaqlieqa żgħira, l-Oppożizzjoni tista’ wkoll tasal fi qbil mal-pożizzjoni maqbula bejn il-Gvern u l-korpi kostitwiti favur il-ħolqien ta’ aktar ġid f’pajjiżna”, sosta Dr Muscat.
Il-Prim Ministru fisser kif in-nies riedu ċarezza u trasparenza. Riedu programm immexxi mill-Gvern u mhux minn kumpanija privata. Il-Gvern sema li kien hemm bżonn enfasi fuq ir-rabta bejn l-individwu u l-pajjiż. Semgħa l-bżonn li jkun iċċarat aktar kif se jintużaw il-fondi li jidħlu mill-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Semgħa fuq il-bżonn li jkun hemm terminu stabbilit f’dan il-programm. U semgħa fuq il-ħtieġa li jiġi stabbilit aħjar l-investiment fil-pajjiż.
Għalhekk il-programm ta’ ċittadinanza b’investiment se jitnieda b’dawn il-bidliet:
• Individwu jrid jagħmel kontribuzzjoni ta’ 650,000 ewro, aktar minn kemm ħafna ċittadini Maltin iħallsu taxxa matul ħajjithom. 70% ta’ din il-kontribuzzjoni se jmorru fil-fond nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali li jitmexxa fuq il-linji tal-mudell tas-sovreign fund Norveġiż filwaqt li 30% jidħlu fil-fond konsolidat.
• Il-fond nazzjonali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali se jkollu skopijiet ċari ħafna li jissarraf fi proġetti fl-edukazzjoni, fir-riċerka u l-innovazzjoni, fil-ħolqien tax-xogħol u l-ġid, fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Jobs+ u fit-tnaqqis tax-xogħol prekarku, kif ukoll fi proġetti socjali u fis-saħħa pubblika.
• Dan il-fond mhux se jitmexxa mill-Gvern imma minn board ta’ trustees magħmul minn persuni bi rwol li jiddeċidu bil-liberta kif u fejn jintefqu l-flus meta jitressqu quddiemu proġetti mill-Gvern u mis-soċjeta ċivili.
• Individwu jrid jinvesti fi propjetà li l-valur minimu tagħha jkun ta’ 350,000 ewro jew kirja ta’ 16,000 ewro fis-sena. Huwa mitlub rabta kuntrattwali li din il-propjetà tinżamm għal minimu ta’ ħames snin.
• Individwu jrid jinvesti 150,000 ewro oħra f’bonds u stocks sanzjonati mill-Gvern. Se jkun hemm numru ta’ għażliet fejn wieħed jagħmel investiment li wkoll irid jinżamm għal minimu ta’ ħames snin.
• Bil-għan li jiġu attirati persuni ta’ reputazzjoni, se jiżdied il-livell ta’ skrutinju. Se jkun hemm 4 livelli ta’ due diligence bl-aħħar wieħed ikun skrutinju ekwivalenti għal dak li llum isir mill-MFSA.
• L-unika interface bejn min japplika, l-operaturi u l-Gvern se tkun Identity Malta. B’hekk l-operaturi m’għandhomx għalfejn japplikaw għand kumpanija privata imma jistgħu japplikaw direttament f’isem il-klijenti tagħhom.
• Bejn l-applikazzjoni u l-għoti taċ-ċittadinanza se jkun hemm perjodu minimu ta’ 6 xhur sa massimu ta’ sentejn. F’dan iż-żmien isir id-due diligence mingħajr għaġġla.
• Tneħħa l-prinċipju tas-segretezza. Anke jekk se jingħalqu ċertu swieq, il-Gvern għażel li jieħu din il-kritika on board.
• Se tiddaħħal capping li permezz tiegħu l-programm se jkun limitat għal massimu ta’ 1800 main application. Illum diġà jingħataw mal-1000 ċittadinanza b’xejn kull sena. Għalhekk dan il-programm mhux se jkun miftuħ għal mijiet ta’ eluf ta’ persuni imma ammont żgħir. Meta jintlaħaq dan in-numru, l-programm jingħalaq.
Il-Prim Ministru spjega kif, b’dawn il-bidliet, l-valur totali biex wieħed isir ċittadin Malti huwa mill-inqas 1.150 miljun ewro. Dr Muscat qal li huwa evidenti li l-Gvern iċċaqlaq ħafna mill-pożizzjoni tiegħu. Il-programm ippreżentat ma jinkludix biss irtokki iżda bidliet radikali li ġew mill-ideat tal-constituted bodies li jinsabu madwar l-istess mejda u li permezz tagħhom Malta se tkun qed tattira lejha investiment li sa issa pajjiżna ma kellux aċċess għalih.
“L-eħfef ħaġa għall-Gvern kienet li ma jagħmel xejn. Iżda minflok iddeċida li joħloq aktar ġid fil-pajjiż permezz ta’ metodi ġodda. Dan il-programm se jattira ħafna aktar saħħa ekonomiku lejn Malta”, temm jgħid Dr Muscat.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en