IL-MINISTRU CARDONA JŻUR IL-ĦWIENET FI TRIQ IL-MERKANTI L-BELT VALLETTA
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona ssokta biż-żjarat tiegħu fil-komunitajiet kummerċjali bi żjara fil-ħwienet ta’ Triq il-Merkanti. Il-Ministru qal li dan il-Gvern jemmen fil-valur tal-intrapriża lokali u jrid ikompli jkun spalla ma’ spalla magħhom kemm fl-isfidi li jiffaċċaw kif ukoll fis-suċċess. Dan bil-għan li jkunu f’pożizzjoni li jżidu l-attività tagħhom, joħolqu aktar impjiegi u jkomplu jtejbu l-prodotti u s-servizzi għall-konsumaturi.
Dr. Chris Cardona qal li bil-għan li jkun ivvalorizzat in-negozju f’pajjiżna, fi żmien li ġej se tkun intensifikata l-ħidma tal-Gvern kemm b’numru ta’ inizjattivi li diġà għaddejja l-ħidma fuqhom bħal Family Business Act u l-White Paper dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, kif ukoll bi tfassil ta’ kampanji intiżi li jattiraw aktar nies lejn il-ħwienet lokali.
Fi tmiem iż-żjara tiegħu l-Ministru Cardona tkellem ukoll dwar l-andament tan-negozju f’dawn iż-żminijiet, fejn qal li l-feedback huwa pjuttost pożittiv. Saħaq li s-sitwazzjoni fi żmien li ġej se tkun qed tkompli titjieb anke meta l-familji se jkunu qed jesperjenzaw direttament l-effetti pożittivi tal-budget, partikolarment ir-roħs, kif imwiegħed, fil-kontijiet tal-elettriku u t-tnaqqis fl-income tax.
“Huwa ċar li il-Politika Ekonomika ġdida ta’ dan il-Gvern qed tħalli effett pożittiv fuq l-andament tan-negozju f’pajjiżna. Din il-politika diġà qiegħda toħloq stabbiltà fl-ekonomija ta’ pajjiżna, kif ġie kkonfermat ukoll fil-Quarterly Review tal-Bank Ċentrali ta’ Malta li kien pożittiv ħafna rigward it-tkabbir ekonomiku li esperjenza pajjiżna f’dawn l-aħħar xhur” sostna l-Ministru Cardona.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar tkellem ukoll dwar il-problema tal-parkeġġ. Qal li l-miżuri meħuda mill-Gvern diġà qed iħallu impatt pożittiv fuq il-komunità kummerċjali fil-Belt. Madanakollu fadal ħafna xi jsir dwar il-kwistjoni, mhux biss fil-Belt Valletta imma wkoll f’lokalitajiet oħrajn, fosthom Tas-Sliema. “Fi żmien li ġej se naraw kif nistgħu nkomplu ntaffu minn din il-problema, fosthom billi għal Belt Valletta noħorġu espressjoni ta’ interess għal bini ta’ parkeġġ” sostna l-Ministru Cardona.
Dr. Chris Cardona awgura lis-sidien kollha tal-ħwienet f’Malta l-Milied it-tajjeb u sena ġdida mimlija suċċess ħalli jkunu f’pożizzjoni li jkomplu jinvestu, jikbru u jsaħħu l-ekonomija Maltija.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en