Left arrow Mur Lura

AVVANZ IEĦOR SODISFAĊENTI FIL-QASAM TAL-IMMIGRAZZJONI LLEGALI

pr2867
Date Icon 20/12/2013

Jintlaħaq l-għan ta’ Malta li l-Ewropa tintrabat b’timefames speċifiċi

Il-Kunsill Ewropew wasal għall-progress ieħor importanti fil-qasam tal-immigrazzjoni llegali. Wara li tmien ġimgħat ilu s-suġġett tpoġġa fuq l-aġenda, bil-wegħda li jkun hemm avvanzi fis-summit ta’ Diċembru, llum il-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropew approvaw it-tmienja u tletin rakkomandazzjoni li ppropona t-task force tal-Mediterran imwaqqaf fuq inizjattiva konġunta ta’ Malta, l-Italja u l-Greċja u għall-ewwel darba appoġġjat minn grupp ta’ pajjiżi oħra Ewropej.

Frott il-pożizzjoni soda li ħadet Malta f’Ottubru li għadda, il-Kunsill Ewropew illum ta mandat lill-Kummissjoni Ewropea biex jorbot l-azzjonijiet meħtieġa biex tiġi indirizzata l-problema tal-immigrazzjoni llegali b’timeframes ċari. Għalhekk, il-proposti approvati mhux se jkunu sempliċiment rapport ieħor imma rabta speċifika li għaliha l-Kummissjoni Ewropea, u mhux il-pajjiżi membri individwalment, hija responsabbli għalihom.

L-immigrazzjoni llegali ġiet inkluża fil-politika komuni Ewropea dwar id-difiża u għalhekk se tibda titqies bħala kwistjoni ta’ sigurtà Ewropea. Dan l-iżvilupp, li qatt ma seħħ qabel, jagħti lok għall-missjonijiet u inizjattivi fuq livell Ewropew biex ikun hemm intraċċar kmieni ta’ movimenti llegali fuq il-baħar u fid-deżerti.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Brussels mat-tmiem tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat fisser l-avvanz ta’ llum bħala pass kbir ‘il quddiem biex Malta tkun ferm iktar viċin, minn kull żmien ieħor, li tersaq lejn is-soluzzjonijiet li jixirqu.

“Għadna ma wasalnix. Mhux se nagħmel bħal predeċessuri tiegħi u nkanta vittorja. Imma ngħid li rnexxilna nilħqu l-progress li mmirajna għalih. Issa rridu naraw, u nkomplu ninsistu, li l-proposti approvati jiġu implimentati skond ir-rabta ta’ żmien li se tagħti l-Kummissjoni Ewropea,” qal il-Prim Ministru.

Dr Muscat qal li, permezz ta’ dan il-Kunsill Ewropew, Malta kisbet iktar fondi għall-immigrazzjoni llegali. Wara li ftit ġimgħat ilu żidna l-allokazzjoni b’għaxar miljun ewro, illum pajjiżna kiseb ħames miljun ewro minn inizjattiva waħda u tlieta punt sebgħa miljun ewro mill-fond tal-emerġenza.

Il-proposti maqbula jinkludu mod iktar effettiv ta’ kif persuni li ma jkollhomx dritt għall-ażil, li bħalhom hemm mal-elf f’Malta, jintbagħtu lura pajjiżhom. L-għajnuna se tkun fuq żewġ lati – il-koordinazzjoni tat-titjiriet u l-ħruġ tad-dokumentazzjoni meħtieġa.

Se ssir ukoll ħidma mal-Libja li fil-ġimgħat li għaddew diġà uriet sinjali inkoraġġanti meta l-awtoritajiet żammew opra tal-baħar fl-ibħra Libjani milli taqsam lejn ibħra oħra. L-Italja ġiet identifikata biex tagħti taħriġ lit-tlett mitt suldat Libjan li se jkunu fuq border patrol filwaqt li mitejn oħra se jingħataw taħriġ mill-Ingilterra. Malta se tkun qed tgħin f’dan ir-rigward ukoll.

Il-Kunsill Ewropew qabel ukoll li jsir immaniġjar ta’ persuni li jaqsmu legalment bi ftehim ma’ diversi pajjiżi.

Il-Prim Ministru qal li l-ħidma li wettaq il-Gvern Malti fuq il-qasam tal-immigrazzjoni llegali hija konformi mal-mandat elettorali li ngħata. “Il-poplu qed jara differenza bejn il-Gvern preċedenti li kien spiss ewforiku u dan il-Gvern li mhux se jkun trijonfalistiku imma se jibqa’ jaħdem bil-galbu biex l-affarijiet ikomplu jimxu ‘l quddiem minn darba għall-oħra,” qal il-Prim Ministru.

Dr Muscat qal li t-tmienja u tletin rakkomandazzjoni li ġew approvati se jservu ta’ kejl għal Malta u l-pajjiżi milquta mill-problema tal-immigrazzjoni llegali. Dan ir-riżultat mhux frott tax-xogħol li sar illum biss iżda tal-pożizzjoni soda li ħa dan il-Gvern fl-aħħar xhur.

“Ma stajniex nibqgħu niġu injorati. Issa li hemm qbil fuq x’għandu jsir, u se jkun stabbilit meta għandu jsir, Malta se tibqa’ tiġri wara l-Unjoni Ewropea biex ikun assigurat li dak li hemm miktub bl-iswed fuq l-abjad jitwettaq mill-iktar fis possibli,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow