IMPENN BIEX JIĠI PROMOSS AKTAR IL-WIRT DINJI TA’ MALTA
Heritage Malta nediet l-ewwel pubblikazzjoni fuq it-Tempji tal-Ġgantija, bil-ħsieb jiġi promoss aktar il-wirt dinji li joffri dan il-pajjiż. Din l-aħħar pubblikazzjoni minn Heritage Malta tinkorpora fiha b’mod ħolistiku diversi aspetti ta’ dan il-wirt dinji. Il-ktieb bl-isem “Ġgantija, the oldest free-standing building in the world”, ġie ppreżentat lill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Anton Refalo u s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali l-Onor. José Herrera. L-Onor. Herrera, saħaq kif dan il-gvern hu impenjat bis-serjetà biex jaħdem u jippromwovi aktar il-qasam tal-kultura. L-Onor. Refalo rringrazzja l-Onor. Herrera tal-appoġġ sħiħ li dejjem sab minnu biex tissaħħaħ l-identità kulturali għal Għawdex.
Dan il-ktieb miktub minn Godwin Vella u ddisinjat minn Daniel Cilia jiġbor fih riċerka minn numru ta' professjonisti f'diversi oqsma u jkopri l-importanza arkeologika ta' dan is-sit. Huwa jkopri wkoll l-influwenza li kellu dan il-monument matul l-istorja twila tiegħu, inkluż l-aspett folkloristiku u dak artistiku fejn numru kbir ta' artisti fil-passat ġew ispirati minn dan il-bini antik. Flimkien ma’ kollezzjoni sabiħa ta’ ritratti u tpinġijiet tas-sit minn artisti differenti, dan il-ktieb jkopri wkoll l-inizjattivi ta' konservazzjoni li ttieħdu fil-passat u li qegħdin iseħħu bħalissa biex ikompli jitjib l-preservazzjoni u l-aċċessibbiltà ta’ dan il-wirt storiku.
Għall- preżentazzjoni ta’ dan il-ktieb kien hemm ukoll ic-CEO ta’ Heritage Malta, Mr. Kenneth Gambin, s-Sindku tax-Xagħra Mr. Joe Cordina, u l-Ambaxxatur għal Malta għall-UNESCO Monsinjur Dr. Joe Vella Gauci. L-Ambaxxatur sostna kif teġa qegħdin għaddejjin taħdidiet mad-Direttur Ġenerali tal-UNESCO biex din żżur is-siti ta’ wirt dinji f’Malta. Huwa sostna wkoll kif bħala ambaxxatur ħa jkun qiegħed jaħdem biex aktar siti Maltin jsiru meqjusa mill-UNESCO bħala wirt dinji.
Dan ix-xahar, dan il-proġett innovattiv tal- Ġgantija Heritage Park, li jinkludi kemm il-landscaping tal-inħawi tat-tempji, kif ukoll il-ħolqien ta’ ċentru għall-interpretazzjoni, li ċertament hu l-ewwel wieħed tan-natura tiegħu f’Għawdex, kien ir-rebbieħ tat-tmien edizzjoni ta’ “Din l-Art Ħelwa Architectural Heritage Award”. Dan il-premju ngħata lill-periti tal-proġett li kienu id- Design Technical Resources. F’din il-kompetizzjoni, bl-appoġġ tal-kamra tal-Periti Din l-Art Ħelwa toffri premju lill-aktar proġett innovattiv li jkun sar fuq heritage sites.
Din is-sena timmarka wkoll l-għaxar anniversarju mit-twaqqif ta’ Heritage Malta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en