“IL-POLITIKA EKONOMIKA ĠDIDA TA’ DAN IL-GVERN QED TĦALLI EFFETT POZITTIV FUQ L-ANDAMENT TAN-NEGOZJU F’PAJJIŻNA” – IL-MINISTRU CARDONA
F’dawn iż-żminijiet ta’ festi, il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona żar il-ħwienet fi Triq ir-Repubblika l-Belt Valletta. Fi tmiem din iż-żjara l-Ministru Cardona qal li kien ta’ sodifazzjon għalih li fil-maġġoranza tagħhom is-sidien tal-ħwienet esprimew sentiment pozittiv għaliex qed jaraw titjib sostanzjali fuq l-aħħar ħames snin.
Dr. Chris Cardona qal li l-Belt Valletta qed terġa’ takkwista l-popolarità li kienet tgawdi fil-passat. Iżda saħaq li fadal ħafna xi jsir. Matul iż-żjarat li għamel fil-ħwienet, l-operaturi kummerċjali stqarrew mal-Ministru Cardona li d-deċizjonijiet meħuda mill-Gvern fl-aħħar xhur biex jibda jindirizza l-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ diġà qed iħallu effett pozittiv. Dan wara li daħal fis-seħħ tibdil fil-ħinijiet u l-kundizzjonijiet tas-CVA, fejn minn dan ix-xahar id-dħul fil-Belt Valletta sar b’xejn wara s-sagħtejn ta’ wara nofsinhar matul il-ġimgħa, kif ukoll is-Sibt il-ġurnata kollha.
Minn naħa tiegħu, il-Ministru Cardona qal li l-Gvern qed iħares ’il quddiem biex fi żmien li ġej jippubblika ukoll espressjoni ta’ interess għall-parkeġġ fil-Belt Valletta biex ikompli jindirizza din il-problema ta’ nuqqas ta’ parkeġġ.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar qal li l-Politika Ekonomika ġdida ta’ dan il-Gvern qed tħalli effett pożittiv fuq l-andament tan-negozju f’pajjiżna għaliex qed tħalli aktar flus fil-but tan-nies. Semma wkoll kif din il-ġimgħa stess l-istatistika uriet kif matul ix-xahar ta’ Novembru r-rata ta’ inflazzjoni kienet l-inqas qawwija fl-aħħar erba snin.
“Il-Gvern qed iħares ’il quddiem lejn Marzu li ġej meta, kif imwiegħed, se jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji. Dan se jkun pass ieħor lejn it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-aktar prodotti u servizzi essenzjali, u għalhekk, iktar purchasing power għall-Maltin u l-Għawdxin li jistimola l-ekonomija, iqajjem in-negozju, jinċentiva l-impjiegi u jgħin fit-tkattir ta’ klima li tagħti s-serħan il-moħħ. Din il-politika ta’ tkabbir ekonomiku tassigura li l-ġid jintlaħaq u jinħass minn kulħadd.”
Il-Ministru Cardona temm jgħid li dan il-Gvern se jibqa’ kommess li jpoġġi n-negozju u l-intrapriżi fiċ-ċentru tal-politika tiegħu b’inċentivi bħal dawk varati fl-aħħar jiem tal-Microinvest u Microguarantee kif ukoll bl-introduzzjoni ta’ liġijiet innovattivi li jkomplu jsaħħulhom l-pożizzjoni tagħhom bħal Family Business Act u l-White Paper dwar il-ħinijiet tal-ħwienet.
Dr. Chris Cardona qal li dan il-Gvern se jibqa’ kommess li jonora l-wegħda elettorali tiegħu li jkun; Gvern favur in-negozju, Gvern li jiffaċilita u mhux jikkomplika l-operat tan-negozju, Gvern li jnaqqas il-burokrazija żejda u Gvern li joħloq klima ideali fejn in-negozju u l-intrapriża f’pajjiżna tkompli tikber u tisaħħaħ.
Waqt din iż-żjara kien hemm ukoll preżenti s-Sindku tal-Belt Valletta, is-Sur Alexei Dingli u t-teżorir tar-Republic Street Business Community Association is-Sur Andrew Vaswani.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en