AKTAR MINN TERZ TA’ MILJUN EWRO LILL-GĦAQDIET TAS-SOĊJETÀ ĊIVILI
Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli ppreżentat total ta’ €314,404 f’fondi lil għaqdiet volontarji bħala parti mill-Fond tas-Soċjetà Ċivili li sa issa kien imħaddem mill-MEUSAC.
Dawn il-fondi ngħataw lil 31 organizzazzjoni volontarja, inkluż għaqdiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem bħala għajnuna biex dawn jiffamiljarizzaw aktar mal-istituzzjonijiet Ewropej, biex ikun hemm parteċipazzjoni attiva ta’ dawn l-għaqdiet fil-fora Ewropej, biex ikomplu jedukaw lill-membri tagħhom dwar materji Ewropej li jikkonċernawhom, u biex jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew.
Il-Ministru Dalli qalet li, kif diġà tħabbar fid-diskors tal-baġit, mis-sena d-dieħla dan il-Fond se jkun immaniġġjat direttament mill-Ministeru. Dott. Dalli qalet li għas-sena li ġejja l-Gvern diġà alloka s-somma ta’ €382,000 għal dan il-fond.
Il-Ministru Dalli saħqet fuq il-ħtieġa li l-flus jintużaw aħjar u b’mod aktar trasparenti mill-benefiċjarji. Hi qalet li l-Gvern se jkun qed jesiġi għal aktar trasparenza u kontabilità. Dott. Dalli qalet li huwa importanti wkoll li l-flus jintefqu għall-iskop oriġinali tal-Fond.
Il-Ministru Dalli qalet li fiż-żmien li ġej il-Gvern se jkun qed jikkonsulta mal-benefiċċjarji ta’ dan il-Fond biex jiżviluppa policy ċara dwar kif il-fondi ser jitqassmu u jitħaddmu aħjar.
Dwar il-MEUSAC il-Ministru Dalli qalet li dan m’għandux jitqies biss bħala sors ta’ fondi. Għaldaqstant hija importanti ħafna l-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet involuti fil-proċess ta’ konsultazzjoni li jkun organizzat minn din l-entità.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en