SUĊĊESS KBIR GĦALL-INIZJATTIVA ‘MY MALTA’
Sottomessi b’kollox aktar minn 1,300 ritratt, bl-aqwa 50 ritratt se jkunu esebiti f’wirja li se tittella’ x-xahar id-dieħel.
Suċċess kbir għall-kompetizzjoni fotografika bl-isem ta’ ‘My Malta’ li kienet tnediet fil-bidu ta’Ottubru mill-Ministeru għat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Awtorità Maltiija għat-Turiżmu (MTA) u mal-Istitut Malti għall-Fotografija Professjonali (MIPP).
Hekk kif nhar it-Tlieta li għadda kien l-aħħar jum li fih il-pubbliku seta’ jibgħat ir-ritratti tiegħu, l-inizjattiva ‘My Malta’ issa tidħol fit-tieni fażi tagħha, dik tal-aġġudikazzjoni.
B’kollox kienu sottomessi total ta’ 1,317-il ritratt fil-kategoriji differenti, bl-aktar kategorija popolari tkun dik tal-Bajjiet u Xenarji segwita minn dik tal-Arkitettura u l-Bini. Il-kategorija tal-Festi, Festivals u Tradizzjonijiet oħra kienet it-tielet l-aktar popolari. Dettalji dwar sottomissjonijiet f’kull kategorija jinsabu fit-tabella t’hawn taħt:
Tema | Total ta’ Sottomissjonijiet |
Bajjiet u Xenarji | 286 |
Arkitettura u Bini | 235 |
Festi, Festivals u tradizzjonijiet oħra | 166 |
Għawdex | 150 |
Artiġġjanat Malti u Gastronomija | 83 |
Sports u Rikreazzjoni | 81 |
Avjazzjoni | 42 |
L-aġġudikazzjoni tar-ritratti li se ssir fil-jiem li ġejjin se tkun qed titmexxa minn tim ta’ esperti tal-MIPP b’rappreżentanza wkoll mill-Ministeru għat-Turiżmu u mill-MTA. B’konformità mar-regolamenti, se jkunu biss l-ewwel erba’ ritratti sottomessi minn kull parteċipant li se jkunu kkunsidrati.
L-aqwa 50 ritratt imbagħad se jkunu qed jiġu esebiti f’wirja li se tittella’ apposta fil-foyer tal-Berġa tal-Italja fil-Belt. Din il-wirja se tkun imnedija fis-16 ta’ Jannar 2014 mill-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella fejn se jkunu qed jitħabbru wkoll ir-rebbieħa. Fost il-premijiet abbinati ma’ din il-kompetizzjoni hemm titjira għal tnejn lejn kwalunkwe destinazzjoni li fiha topera l-Air Malta mogħtija mill-istess kumpanija, kif ukoll weekend break għal żewġ persuni għal min jikkwalifika fl-ewwel post.
Il-premju abbinat ma’ min jiġi fit-tieni post jinkludi akkomodazzjoni għal ġimgħa sħiħa fi suite għal żewġ persuni fuq bażi full board fil-lukanda Intercontinental Malta. Premjijiet oħra ta’ weekend breaks se jingħataw għal min ikollu l-aħjar ritratt fil-kumplament tat-temi.
L-inizjattiva ‘My Malta’ għandha l-għan li sservi bħala mezz ta’ komunikazzjoni artistika biex tippromwovi l-Gżejjer Maltin mill-aspett turistiku b’mod pożittiv, b’emfasi partikolari fuq l-awtentiċità, is-sbuħija ta’ pajjiżna, l-aspett kulturali, it-tradizzjoni u l-istil ta’ ħajja tagħna l-Maltin.
Il-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-MTA jixtiequ jirringrazzjaw lil kull min ipparteċipa f’din il-kompetizzjoni kif ukoll lill-isponsors kollha li sa mill-bidu nett urew fiduċja f’din l-inizjattiva u li jinkludu l-Air Malta, Intercontinental Hotel Malta, Fortina Spa Resort, Grand Hotel Excelsior, Hilton Malta, Radisson Blu Golden Sands, Radisson Blu St. Julian’s u Gozo Farmhouses.
L-aħħar dettalji dwar din il-kompetizzjoni jinsabu fuq is-sit elettroniku www.tourism.gov.mt.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en