TNEDIJA TAL-ATTIVITAJIET TAL-MILIED FIL-BELT VALLETTA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, l-Onor. José Herrera lbieraħ filgħaxija nieda sensiela ta’ attivitajiet li se jsiru fil-Belt Valletta fi żmien il-Milied. Il-programm tal-Milied imsejjaħ “Il-Milied fil-Belt Valletta” hu maħsub biex jolqot kull persuna u familja li tidħol il-Belt Valletta biex tixtru, tiekol, tixorbu jew għal divertiment.
Dr Herrera qal li dawn l-attivitajiet huma l-frott tal-kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, il-Fondazzjoni Valletta 2018, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, il-Komunità Kummerċjali tal-Belt Valletta, iValletta.com u Pjazza Teatru Rjal. Dr Herrera qal li l-Belt Valletta toffri sfond ideali għall-attivitajiet tal-Milied minħabba li tista’ toffri esperjenza sħiħa lil kull min iżur il-Belt Kapitali. Huwa qal li dawn l-attivitajiet jiffurmaw parti mit-tħejjijiet li qegħdin isiru għall-2018, meta l-Belt Valletta se tkun il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.
Il-Belt Valletta dejjem tkun imżewqa b’numru ta’ attivitajiet, b’mod speċjali f’dan iż-żmien tas-sena. “Is-sinerġiji li nħolqu bejn il-partijiet kollha, huma eżempju fantastiku ta’ kif il-kultura, in-negozju u n-nies jistgħu jikkolaboraw flimkien għall-benefiċċju tal-Belt u dawk li jżuruha. Qegħdin naħdmu bla heda biex insibu aktar modi kif din is-sinerġija tħalli aktar frott sal-2018, u s-snin ta’ wara. Hemm ħafna affarijiet li wieħed jista’ jagħmel il-Belt Valletta: il-Belt toffri esperjenza unika u fantastika għal dawk kollha li jżuruha għax-xiri, għal attivitajiet kulturali, arti, storja u għal divertiment.”
Is-Sindku tal-Belt Valletta Dr Alexiei Dingli qal li l-Kunsill Lokali jilqa’ kull ħidma li ssir biex tħeġġeġ lin-nies jerġgħu jiskopru l-esperjenza unika li wieħed jista’ jkollu l-Belt. Sostna li l-belt kapitali għamlet passi ta’ ġgant f’dan il-qasam, u dan jixhdu l-appoġġ u l-ammirazzjoni tal-eluf li jżuru l-Belt Valletta kuljum u f’dan iż-żmien tal-Milied. “Il-Maltin u t-turisti, kollha jħossuhom merħba fil-Belt Valletta. Għandna belt kapitali li rridu nkunu kburin biha” qal Dr Dingli.
Iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef, qal li l-attivitajiet fil-Belt jikkontribwixxu għall-preparazzjonijiet li qegħdin isiru għall-2018, meta Valletta se ssir il-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura. Sostna li dawn l-attivitajiet jgħinu biex in-nies isiru aktar konxji ta’ x’tirrapreżenta V18 u biex nipperswadu aktar nies biex jipparteċipaw b’mod attiv fil-ħidma biex il-Belt Valletta tkun ċentru ta’ attività. Micallef saħaq li “l-kultura hi tan-nies, u l-parteċipazzjoni tagħhom se tgħin biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura li tkun denja tat-titlu li ħadet.”
Il-programm ta’ attivitajiet tal-Milied fil-Belt Valletta hu taħlita ta’ dak li hu Malti, u jipprovdi opportunitajiet lill-artisti u lill-istudenti biex juru t-talent tagħhom. L-attivitajiet ivarjaw minn dawk tradizzjonali - bħall-kant tal-Milied, il-purċissjoni b’Ġesu Bambin u fiera ta’ artiġġjanat Malti - għal affarijiet aktar moderni bħal 3D projection mapping. L-attivitajiet se jilħqu l-qofol tagħhom lejlet l-ewwel tas-sena meta l-poplu Malti se jingħaqad flimkien biex jilqa’ s-sena 2014 f’ċelebrazzjoni nazzjonali fil-Belt Valletta.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en
pr2846a.pdf