Left arrow Mur Lura

‘CHARGING’ GĦALL-VETTURI TAL-ELETTRIKU B’XEJN GĦAL SENA

pr2845
Date Icon 19/12/2013

Iċ-‘charging points’ għall-vetturi li jaħdmu bl-elettriku, li bħalissa qed jitwaħħlu f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex, se jkunu mingħajr ħlas għal perjodu ta’ sena.

Il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Anton Refalo ħabbar li f’Għawdex qed jitwaħħlu 15-il ‘charging point’ waqt li f’Malta qed jitwaħħlu 75 oħra f’postijiet differenti biex ikun iffaċilitat l-użu ta’ dawn is-servizzi.

Il-Ministeru għal Għawdex huwa msieħeb mal-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, fil-proġetti Ewropej LIFE+ u DEMO-EV, li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-użu tal-karozzi li jaħdmu bl-elettriku, biex Malta tkun tista’ tilħaq il-Climate Change and Energy Target li sal-2020, ikun hawn f’pajjiżna 5,000 vettura li jaħdmu bl-elettriku.

Bħala parti minn dan il-proġett, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura għadda waħda, minn flotta ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku u li jagħmlu parti minn dawn il-proġetti, lill-Ministeru għal Għawdex.

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi fakkar li t-trasport fit-toroq jammonta għal kważi 17 fil-mija tal-emissjonijiet iġġenerati f’Malta, ċifra allarmanti u inaċċettabbli u għalhekk, huwa l-iskop ta’ dan il-Gvern li jimpenja ruħu biex jagħmel it-trasport f’pajjiżna sostenibbli.

Huwa qal ukoll li r-raġuni ewlenija li l-Gvern jissapportja dawn il-proġetti huwa għax permezz tagħhom nistgħu xi darba naslu biex ikollna inqas tniġġis tal-arja.

Żied jgħid ukoll li hekk kif naslu biex ikollna trasport pubbliku aħjar milli għandna llum, naslu wkoll biex ikollna inqas vetturi fit-toroq, inqas konġestjoni u għalhekk inqas inċidenti.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għal Għawdex l-Onor. Anton Refalo qal li l-Gvern huwa kommess li jixpruna ‘l quddiem l-iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ Għawdex, filwaqt li jassigura żvilupp sostenibbli. Dan il-għan qed ikompli jintlaħaq billi l-Ministeru jmexxi b’eżempju u juża s-servizz ta’ karozza li taħdem bl-elettriku.

Il-Ministru Refalo saħaq kif l-Ministeru għal Għawdex huwa kommess li jintlaħqu l-miri tal-Eko-Għawdex fil-qasam tal-ambjent biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u d-dħaħen. B’dawn it-tip ta’ inizjattivi, żied jgħid, se jkunu qegħdin verament jitħaddmu proġetti li se jkomplu jgħinu biex Għawdex ikollu ambjent aktar nadif.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow