IPPUBBLIKAT L-EWWEL RAPPORT NAZZJONALI “ENVIRONMENTAL HEALTH INEQUALITIES IN MALTA”
“Malta għandha tkun ta’ eżempju għall-pajjiżi l-oħra membri tal-Unjoni Ewropea, biex dawn ukoll jagħmlu studju dwar l-impatt tal-ambjent fuq is-saħħa tal-poplu”. Dan qalu dalgħodu s-Sur Matthias Braubach, mill-Uffiċċju reġjonali għall-Ewropa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO).
L-ewwel rapport Nazzjonali “Environmental Health Inequalities in Malta” tnieda dalgħodu waqt seminar organizzat mid-Dipartment tar-Regolamentazzjoni tas-Saħħa (Department of Health Regulation), bil-kollaborazzjoni mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Meta fetaħ is-seminar, il-Ministru għas-Saħħa Dr. Godfrey Farrugia qal li l-isfidi ambjentali u l-mod kif dawn jaffettwaw saħħet il-poplu, huma fuq quddiem nett fl-aġenda għall-pajjiżi msieħba tal-Unjoni Ewropea. Huwa kompla jgħid li f’Malta, bis-saħħa ta’ dan ir-rapport se niffukaw aktar biex dawk l-iżvantaġġi li m’humiex ġustifikati (inequity) li jeżistu għal ċertu sezzjonijiet tal-poplu, jiġu ndirizzati b’mod adekwat u bi sħab bejn l-entitajiet kollha kemm governativi u mhux.
Il-Ministru Farrugia qal li dan ir-rapport jiffoka lejn id-demografija ta’ Malta, l-qagħda soċjo-ekonomika u l-qagħda tal-wesgħat li nsibu fiż-żoni urbani u tal-kampanja fil-gżejjer Maltin. B’hekk ġew identifikati dawk in-nuqqasijiet li jwasslu għall-mod kif għandna nindirizzaw dawn il-problemi soċjali li qegħdin jaffettwaw saħħitna.
Huwa qal ukoll li dan ir-rapport se joħloq l-opportunita’ fejn bi sħab, niffukaw aktar fuq dawk l-aspetti kollha li jaffettwaw is-saħħa tal-bniedem minħabba l-konsegwenzi negattivi li jista’ joħloq l-intervent tal-bniedem fuq l-ambjent, u l-fehma li dan huwa relatat ma’ nuqqas ta’ ugwaljanza fis-soċjeta’.
Dan l-istudju sar b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għas-Saħħa u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.
Waqt is-seminar saru rappreżentazzjonijiet mis-Sur Matthias Braubach mill-Uffiċċju reġjonali għall-Ewropa tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, minn Dr. Richard Zammit, Superintendent tas-Saħħa Pubblika u minn Dr. Karen Vincenti, Environmental Health Policy Coordination Unit.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en