INTERESS QAWWI FIS-SERVIZZ IL-ĠDID TAT-TELECAREPLUS
Is-servizz il-ġdid tat-Telecareplus ġibed interess qawwi minn mijiet ta’ anzjani u qraba tagħhom tant li f’anqas minn xahar il-Call Centre tat-Telecareplus irċieva mas-750 telefonata relatata mas-servizz il-ġdid.
Dan ħabbru l-Onor. Franco Mercieca, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva meta kien qiegħed jagħmel żjara uffiċjali fil-Call Centre tat-Telecareplus fi Fleur de Lys li huwa mmexxi minn impjegati tad-Dipartiment tal-Anzjani u l-Kura fil-Komunità.
Matul iż-żjara tiegħu, Dr Mercieca qal li mindu tnieda s-servizz il-ġdid tat-Telecareplus fl-20 ta’ Novembru li għadda, il-Call Centre rċieva 361 talba għall-qalba mis-servizz l-antik għas-servizz il-ġdid tat-Telecareplus, 273 talba għas-servizz il-ġdid u 118-il telefonata oħra fejn intalbet informazzjoni dwar is-servizz il-ġdid.
Is-Segretarju Parlamentari fisser dan ir-rispons mill-pubbliku f’dan l-aħħar xahar bħala wieħed inkoraġġanti ħafna u ħeġġeġ aktar anzjani u qraba tagħhom biex jabbonaw għal dan is-servizz li joffri għadd ta’ benefiċċji biex l-anzjani jibqgħu jgħixu f’darhom b’kunfidenza u serħan tal-moħħ.
Huwa qal li permezz tat-Telecare Plus li joffri ‘intelligent hub’, l-anzjani għandhom fost oħrajn il-faċilità ta’ sistema li tfakkarhom fi x’ħin għandhom jieħdu l-mediċini, sistema ta’ panic alarm, apparat teknoloġiku ġdid li joffri l-possibilità li jitqabbdu miegħu numru ta’ servizzi oħrajn skont l-għażla tal-anzjan/a, u “I’m Ok button” biex il-familja jkollha moħħha mistrieħ kuljum u dan għall-prezz issussidjat ta’ €4 biss fix-xahar.
Dr Mercieca żied jgħid li bil-ftehim li ġie ffirmat mal-kumpanija GO, is-servizz tat-Telecareplus qed jiġi offrut lil firxa akbar ta’ persuni hekk kif tneħħa l-limitu li kien iddaħħal fl-2004 ta’ 10,000 persuna.
Huwa żied jinnota wkoll li waqt li l-popolazzjoni ta’ anzjani ’l fuq minn 60 sena qiegħed kulma jmur jiżdied, l-għadd ta’ abbonati għas-servizz tat-Telecare kien qiegħed jibqa’ fl-istess ilma, fattur li kompla instiga lil Gvern biex jintroduċi servizz ġdid b’teknoloġija li tirrifletti ż-żminijiet tal-lum
L-Onor. Mercieca saħaq li s-servizz il-ġdid tat-Telecareplus huwa parti minn katina ta’ servizzi fil-komunità bil-għan li l-anzjani jibqgħu jgħixu kemm jista’ jkun fl-ambjent li għexu fih.
“It-tisħiħ tas-servizzi fil-komunità huma parti essenzjali mill-Politika Strateġika Nazzjonali għal Anzjanità Attiva u l-Gvern jinsab determinat li jwettaq din il-missjoni. Fix-xhur li ġejjin se jkunu qegħdin insaħħu wkoll is-servizz tal-Meals on Wheels u s-servizz tal-Home Help bil-għan li nnaqqsu kemm nistgħu l-istennija li teżisti għal dawn is-servizzi”, saħaq Dr Mercieca.
L-Onor. Segretarju Parlamentari żied jgħid li b’dan il-mudell se nkunu qegħdin innaqqsu r-riskju għal dawk l-anzjani li jgħixu waħidhom f’darhom u se ntawlu kemm nistgħu l-bżonn li wħud minnhom jidħlu f’residenza għall-anzjani. Madankollu huwa żied jgħid li dan ma jista’ jieħu post qatt il-kura u l-imħabba li nistgħu noffru aħna bħala bnedmin lill-anzjani tagħna.
Matul iż-żjara tiegħu fil-Call Centre Dr Mercieca faħħar ix-xogħol li qegħdin jagħmlu l-impjegati li qegħdin jamministraw dan is-servizz li qal li jitlob impenn, dedikazzjoni u mħabba kbira lejn l-anzjani li qegħdin jgħixu fil-komunità.
Il-Call Centre tat-Telecareplus jirċieva medja ta’ 500 telefonata kuljum mit-8,700 abbonat/a u li wħud minnhom ikunu jeħtieġu intervent urġenti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en