STQARRIJA TAL-GVERN
L-inqas rata ta’ għoli tal-Ħajja minn Jannar 2010
It-tnaqqis fil-għoli tal-ħajja huwa inċentiv ewlieni li jħalli aktar flus fil-but. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon li f’Novembru li għadda r-rata ta’ inflazzjoni kienet l-inqas qawwija fl-aħħar erba snin, preċiżament sa minn Jannar 2010.
Ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika qed jikkonfermaw li l-għoli tal-ħajja ilu nieżel għal ħames xhur konsekuttivi u, minn wara l-aħħar elezzjoni ġenerali, dejjem kien taħt il-wieħed fil-mija. Din ir-rata baxxa fil-prezzijiet tikkuntrasta mas-sitwazzjoni li kienet tiddomina taħt amministrazzjoni preċedenti meta l-għoli tal-ħajja kien jaqbeż it-tlieta u, saħansitra, l-erbgħa fil-mija.
Il-Eurostat ukoll tikkonferma li Malta qed jirnexxilha tikseb riżultat pożittiv fit-tnaqqis tal-għoli tal-ħajja. Pajjiżna għandu s-sitt l-inqas rata ta’ inflazzjoni fost is-sebgħa u għoxrin pajjiż tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li f’Novembru Malta kellha rata ta’ għoli tal-ħajja ta’ 0.3%, fl-istess xahar, il-medja tar-rata tal-għoli tal-ħajja fl-Unjoni Ewropea kienet tlaħħaq il-wieħed fil-mija. Din is-sitwazzjoni hija wkoll bil-kontra ta’ li kien jiġri taħt amministrazzjoni preċedenti fejn Malta spiss kienet tirreġistra fost l-ikbar rati ta’ għoli tal-ħajja fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvern qed iħares ’il quddiem lejn Marzu li ġej meta, kif imwiegħed, se jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji. Dan se jkun pass ieħor lejn it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-aktar prodotti u servizzi essenzjali, u għalhekk, iktar purchasing power għall-Maltin u l-Għawdxin li jistimula l-ekonomija, iqajjem in-negozju, jinċentiva l-impjiegi u jgħin fit-tkattir ta’ klima li tagħti s-serħan il-moħħ. Din il-politika ta’ tkabbir ekonomiku tassigura li l-ġid jintlaħaq u jinħass minn kulħadd.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en