AKTAR MINN ELF TIFEL U TIFLA JŻURU BETHLEHEM F’GĦAJNSIELEM
Baħar ta’ Għawdxin u Maltin attendew bi ħġarhom għall-ftuħ ta’ Bethlehem f’Għajnsielem li sar nhar is-Sibt 14 ta’ Diċembru mill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu flimkien mal-Isqof għal Għawdex Monsinjur Mario Grech. Fid-diskorsi tagħhom huma faħħru s-sens ta’ impenn, ħidma u għaqda li saret bejn l-organizzaturi u l-parteċipanti għal dawn l-aħħar xhur, biex din l-attività sseħħ akbar minn qatt qabel. Is-sindku ta’ Għajnsielem Frans Cauchi, fid-diskors tiegħu rringrazzja l-Ministeru għal Għawdex b’mod partikolari lill-Ministru għal Għawdex l-Onor. Anton Refalo tal-fiduċja u l-appoġġ bla waqfien li offra tul din il-miġja. Għal dan il-ftuħ attendew ukoll is-Segretarji Parlamentari l-Onor. Franco Mercieca u l- Onor. Jose Herrera.
Dalgħodu hekk kif sebaħ il-jum iddedikat għat-tfal ġewwa Bethlehem f’Għajnsielem, din l-attività laqgħet b’entużjażmu, aktar minn elf tifel u tifla ġejjin minn skejjel differenti f’Malta u f’Għawdex. Fl-attività ta’ llum, li kienet sponsorjata mill-Ministeru għal Għawdex, permezz ta’ Eko-Għawdex tqassam ktejjeb bir-rakkont tan-nattività tal-Milied, li t-tfal imlew ħerqana tul iż-żjara tagħhom. Dan il-Ktieb ‘Il-Presepju’ tħejja minn Lelio Spiteri, li huwa inkarigat mill-programm edukattiv ta' Bethlehem f'Għajnsielem. It-tfal ġew mistiedna jiktbu ittra lil Ġesu Bambin. Din kienet inizjattiva li ferrħithom mhux ftit. It-tfal ingħataw ukoll frotta u juice b’xejn grazzi għall-finanzjament tal-Ministeru għal Għawdex.
Dalgħodu żar din l-attività l-ispeaker tal-kamra, l-Onor. Anġlu Farruġia fejn feraħ lill-organizzaturi tal-inizjattiva sabiħa tagħhom u awguralhom li fis-snin li ġejjin ikomplu jkattru l-popolarità ta’ din l-inizjattiva.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en