JITĦABBRU D-DETTALJI TAL-FESTIVAL EKWESTRI 2013
Waqt konferenza stampa ġew imħabbra d-dettalji tal-Festival Ekwestri li se jsir il-Ħadd 22 ta’ Diċembru fil-korsa taż-żwiemel tal-Marsa mis-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo, iċ-Chairman tal-Malta Racing Club, Dr Matthew Brincat, il-President tal-Malta Polo Club, is-Sur Karl Galea u l-President tal-Malta Equestrian Federation, is-Sur Ron Gaerty. Dan il-festival se jkun qed isir bl-għajnuna tal-Gvern bil-għan li jiġu mgħejuna d-dixxiplini sportivi li jiffurmaw parti minn dan l-isport.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo qal li l-Gvern irid jixpruna ’l quddiem kull tip ta’ sport biex titkattar kultura sportiva f’pajjiżna. Huwa qal li dan l-isport qiegħed dejjem jikber u anke nkisbu riżultati tajbin għal pajjiżna f’kompetizzjonijiet internazzjonali.
Dr Buontempo fakkar li l-Gvern qed jiffinanzja wkoll l-Akkademja tat-Tiġrijiet taż-Żwiemel li din is-sena se jkollha numru rekord. Din l-Akkademja li qed titmexxa mill-Marsa Racing Club hija eżempju tar-riforma li l-Gvern se jkun qed iwettaq fil-qasam sportiv fejn l-assoċjazzjonijiet se jkunu qed imexxu l-isport bil-Gvern ikun regolatur.
Iċ-Chairman tal-Malta Racing Club Dr Matthew Brincat rringrazzja lill-Gvern għall-impenn tiegħu biex jiġi organizzat dan il-festival u esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Malta Racing Club se jospita dan il-festival. Huwa awgura li dan il-festival ikun suċċess u rringrazzja lill-assoċjazzjonijiet l-oħra li se jieħdu sehem f’dan il-festival.
Tkellmu wkoll is-Sur Ron Gaerty u s-Sur Karl Galea, President tal-Malta Equestrian Federation u President tal-Malta Polo Club rispettivament fejn esprimew is-sodisfazzjon tagħhom li dan il-festival ser jerġa’ jibda jsir.
F’dan il-festival se jieħdu sehem diversi klabbs affiljati mal-Malta Equestrian Federation u l-programm jinkludi diversi attivitajiet fosthom dressage, tlielaq taż-żwiemel, turnament tal-Polo u attivitajiet oħrajn li huma intiżi għall-familja kollha.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en