IMNEDIJA D-DRINK DRIVE CAMPAIGN 2013
Erba’ Ministeri flimkien ma’ diversi entitajiet u NGOs dalgħodu ngħaqdu flimkien f’kampanja kontra x-xorb eċċessiv tal-alkoħol u s-sewqan. Din il-kampanja ssir kull sena fiż-żmien tal-festi biex tqajjem kuxjenza dwar il-ħsara tax-xorb eċċessiv u wkoll is-sewqan meta wieħed ikun taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa, l-Onor. Godfrey Farrugia qal li din il-kampanja hija eżempju ċar tal-viżjoni tal-gvern li l-inizjattivi li jsiru favur is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi jkunu fuq bażi ta’ “a whole government and whole society approach”.
Dr. Farrugia qal li minkejja li jsiru dawn it-tip ta’ kampanji, sfortunatament xorta jista’ jkun hemm min jabbuża u jħallat ix-xorb mas-sewqan. Għalhekk il-Ministeru xorta jieħu ħsieb biex kemm iċ-Ċentri għas-Saħħa u wkoll l-Isptar Mater Dei ikunu jistgħu jilqgħu għal din il-possibiltà.
Huwa fakkar li mhux biss it-taħlit tax-xorb u s-sewqan huwa perikoluż, imma wieħed irid joqgħod attent ukoll minn taħlit ta’ mediċini u l-alkoħol.
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif l-alkoħol jaffetwa diversi sitwazzjonijiet fil-ħajja tal-bniedem għalhekk dan il-Gvern qed iwassal messaġġ b’saħħtu biex tiġi indirizzata l-kawża qabel l-effett.
L-Onor. Coleiro Preca aċċennat dwar il-bżonn qawwi għal kampanji ta’ prevenzjoni hekk kif irreferiet għal statistika maħruġa mill-European School Survey Project on Alcohol and Other Drugs (ESPAD) li turi kif matul l-2011 ir-rata tal-alkoħol fost żgħażagħ ta’ sittax-il sena f’Malta kienet ogħla mill-medja Ewropea.
Hija spjegat kif tlesta l-ewwel abbozz tal-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol u li dan issa se jkun miftuħ għall-konsultazzjoni.
Dr. Charmaine Gauci, Direttur tad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard tkellmet dwar l-importanza li jinstabu alternattivi ta’ arranġamenti għas-sewqan minn dawk kollha li se joħorġu biex jiddevertu. Dr. Gauci qalet ukoll li minkejja li din il-kampanja ssir f’dan iż-żmien, madankollu huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu li x-xorb eċċesiv imħallat mas-sewqa huwa ta’ dannu għas-saħħa matul is-sena kollha.
Għall-konferenza tal-aħbarijiet kienu wkoll preżenti rappreżentanti mill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali u l-Ministeru għat-Trasport u Infrastruttura (minħabba li l-Ministri rispettivi jinsabu msifrin), u wkoll rappreżentanti tal-Korp tal-Pulizija, tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, d-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei, l-Aġenzija Sedqa, Transport Malta, s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, u wkoll tat-Touring Club (Malta), li kollha għaddew messaġġ marbut ma’ din il-kampanja.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en