INDIRIZZ MILL-E.T. DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA, FL-OKKAŻJONI TA’ JUM IR-REPUBBLIKA - SALA TAL-GRAN KUNSILL - IL-PALAZZ, VALLETTA - IL-ĠIMGĦA 13 TA’ DIĊEMBRU, 2013
Resqin lejn l-erbgħin anniversarju tat-twaqqif ta’ Malta Repubblika. Jien personalment riesaq lejn il-ħames u l-aħħar anniversarju fil-kariga ta’ President, kariga marbuta ħaġa waħda mal-istess Repubblika u mnissla minnha. Ma rridx nitkellem fuq l-anniversarji b’xi ton ta’ nostalġija, ħamsin sena mill-Indipendenza, għaxar snin mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, iżda nsemmihom għax joħolqulna l-okkażjoni biex inwieżnu dak li għadda u sar, napprezzaw dak li ksibna, nagħrfu l-iżbalji li wettaqna, nitgħallmu minnhom, u fuq kollox inħejju ruħna biex ma nwikkuhomx lil min jiġi warajna. Din tal-aħħar hija t-tema li nixtieq nagħfas fuqha.
Fil-milja tal-ġrajja 40 sena mhuma xejn. Kull min għandu għomor biżżejjed jiftakarhom u jgħidlek li għaddew bħal leħħa ta’ berqa, teptipa t’għajn. Iżda għal Malta dawn kienu 40 sena ta’ trasformazzjoni kbira. Minn pajjiż li qed jiżviluppa sirna pajjiż żviluppat. Minn pajjiż li kien għadu kif kiseb l-Indipendenza u kien qed iħejji biex jinfatam minn kollox u għal kollox mill-fdalijiet tal-imperjaliżmu għal pajjiż ħieles f’kull sens u msieħeb minn jeddu fl-Unjoni Ewropea. Minn pajjiż b’distinzjoni netta bejn il-klassijiet soċjali għal wieħed fejn għadd kbir taċ-ċittadini jinsabu fin-nofs tas-sellum soċjali. Minn soċjetà ta’ nies li jaqilgħuha u jikluha għal waħda li drat f’ċerta affluwenza u kumdità. F’kull sens kienu 40 sena ta’ trasformazzjoni minn pajjiż li kien għadu qed isib saqajh għal pajjiż mogħni bil-vantaġġi li jġib miegħu l-iżvilupp modern.
Meta Malta għaddiet minn dawn il-bidliet u taqlib kbir, naturalment la kienet waħidha u lanqas maqtugħa mill-kuntest internazzjonali usa’. Għalkemm mhux f’kollox, il-politika interna u esterna tagħna fassalnieha skont dak li kien qed jiġri barra minn pajjiżna wkoll. U meta d-dinja ta’ madwarna nbidlet, u aħna magħha, fassalna wkoll il-politika tagħna b’mod li tirrifletti ż-żminijiet ġodda.
40 sena ilu d-dinja kienet f’nofs il-Gwerra Bierda, l-Ewropa kienet maqsuma fi tnejn, l-Unjoni Ewropea kienet għadha l-Komunità Ewropea b’9 membri biss, il-pajjiżi tal-hekk imsejħa t-Tielet Dinja bilkemm kienu bdew jistejqru, il-kelma ‘riċessjoni’ konna bdejna nisimgħuha ta’ spiss, ir-rivoluzzjoni fl-informatika kienet għadha wara l-kantuniera. Illum hawn irġiel u nisa adulti li lanqas jiftakru l-Gwerra Bierda, li għalihom id-distinzjoni bejn Ewropa tal-Punent u Ewropa tal-Lvant ma tfisser xejn, li l-Ewropa Magħquda hija ħaġa naturali, li ċerti pajjiżi mhux biss m’għadhomx tat-Tielet Dinja imma qed iħabbtuha mal-iżjed ekonomiji b’saħħithom, u li ma jistgħux jimmaġinaw dinja mingħajr il-mezzi tal-komunikazzjoni u l-informatika li saru jiddominawlna ħajjitna.
Kollox ma’ kollox imxejna ’l quddiem b’passi kbar bħala pajjiż u soċjetà. Insemmi bħala eżempju l-aħħar elezzjoni ġenerali, li rat bidla fit-tmexxija tal-Gvern, fejn spikkat il-maturità politika kemm waqt il-kampanja elettorali kif ukoll waqt it-transizzjoni tal-poter, mertu kbir tal-mexxejja politiċi ewlenin tagħna. Integrajna iżjed mad-dinja ta’ madwarna, sew mal-ġirien Ewropej bis-saħħa tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll mal-kumplament tad-dinja bis-saħħa tal-komunikazzjoni dejjem iżjed effiċjenti, tal-informatika u tal-globalizzazzjoni. Mill-banda l-oħra forsi ttraskurajna xi ftit il-viċinanzi l-oħra tagħna, jiġifieri r-reġjun tal-Mediterran lil hinn mix-xtut Ewropej, li għal xi żmien kien is-sisien tal-politika barranija Maltija, u li tinbidel kemm tinbidel id-dinja, se jibqa’ l-ispazju li aħna twelidna fih.
Imxejna kemm imxejna, l-agħar żball hu li naħsbu li wasalna; anzi agħar minn hekk li ma nagħrfux li l-progress għandu prezzu, u li l-prezz mhux dejjem jissarraf f’valur għall-flus. Kultant nistgħu nisfaw vittmi tal-istess suċċess, speċjalment jekk ninsew li xejn ma ġie b’xejn, jew li nidraw naħsbu, bħal ma kultant nibża’ li nagħmlu, li għandna xi tarka speċjali li tħarisna mill-għajb li minn żmien għal żmien jolqot lil pajjiżi oħra, anki ġirien qrib tagħna.
Il-qagħda ekonomika u finanzjarja tidher li se tibqa’ l-isfida ewlenija għal ħafna snin. Anki jekk għall-grazzja t’Alla s’issa kampajna aħjar minn pajjiżi oħra li sa ftit ilu konna nqisu bħala mirakli ta’ suċċess, il-linja bejn li nkomplu nissaħħu jew li niżolqu waħda sew tibqa’ fina u tesiġi għaqal kbir u prudenza fil-wegħdiet ta’ min jiggverna kif ukoll fl-istennija taċ-ċittadini. 40 sena ilu l-gvern kien jonfoq daqs kemm kien idaħħal, u xi ħaġa kien jipprova jfaddal ukoll, u forsi minħabba f’hekk l-iżvilupp kien isir b’pass iżjed meqjus, u l-konsum kien ferm inqas goff, milli drajna wara. Biex seta’ jitħaffef il-pass tal-iżvilupp u żdied il-konsum, bdejna nonfqu iżjed milli ndaħħlu, f’livell ta’ gvern u ta’ ċittadini. Il-kelma ‘defiċit’ daħlet fil-lingwaġġ komuni ta’ kuljum, u d-dejn biex jiffinanzja d-defiċit sena wara sena kiber u kapaċi jsir inkwetanti tabilħaqq jekk l-ekonomija ma tibqax tikber bla waqfien. Daqskemm inħarsu lura 40 sena u nistagħġbu kemm imxejna ’l quddiem, daqstant ieħor għandna nixħtu ħarsitna lejn għada pitgħada u nistaqsu jekk il-mudell kurrenti ta’ kif iseħħ it-tkabbir ekonomiku u soċjali hux se jibqa’ jgħodd għas-snin li ġejjin.
Sadattant l-istess progress iġġenera sfidi li 40 sena ilu ma kinux jinħassu wisq. Sfida ta’ tħassib hija l-iżbilanċ demografiku. L-opportunitajiet ta’ karrieri ġodda li ġabu magħhom it-tkabbir u d-diversifikazzjoni fl-ekonomija, in-numri dejjem jiżdiedu ta’ gradwati u nies kwalifikati, l-istili ta’ ħajja iżjed esiġenti u ambizzjużi, l-aspettattivi materjali ta’ ħafna minna, l-ispejjeż marbuta mal-ħolqien u t-trobbija ta’ familja, inkluż il-prezz tal-propjetà, u ħafna fatturi oħra wasslu biex waqgħet ir-rata tat-twelid f’livell li jtik x’titħasseb, u jista’ jwassal għal firxa demografika li mhix sostenibbli. Fl-istess ħin, l-għajxien aħjar u l-passi kbar li saru fil-qasam tas-saħħa qed iwasslu biex ngħixu ħajja itwal. M’hemmx don isbaħ mis-saħħa u l-għomor twil, iżda anki don għandu prezzu. Jixħet piżijiet dejjem ikbar fuq is-servizzi tas-saħħa. Iwassal biex proporzjon dejjem jikber tal-popolazzjoni jrid jistrieħ fuq proporzjon produttiv dejjem jiċkien. Il-pensjonijiet, li diġà għal ħafna huma ’l bogħod miż-żewġ terzi kkontemplati meta saret il-liġi fis-snin sebgħin, jistgħu jsiru problema serja sew għal min jeħodhom kif ukoll għal min iħallas għalihom. L-hekk imsejjaħ welfare gap qed jitwessa’. Nixtieq nara tiżdied ir-rata tat-twelid minn banda, u mill-banda l-oħra opportunitajiet biex min jasal għall-pensjoni jitħalla jekk irid iżomm xogħlu biex jibqa’ produttiv u kontributur.
F’dan il-kwadru ta’ konsegwenzi huwa faċli ninsew li mhux iċ-ċittadini Maltin kollha u dawk li jgħixu Malta jbatu mill-problemi li jġibu magħhom l-affluwenza u l-progress: hemm min ibati għax baqa’ ma ntmessx minnhom, jew anki għax l-istagħnar tal-kumplament tas-soċjetà sar xi ftit għas-spejjeż tiegħu. Waqt li konna niftaħru naraw il-ġid jitkattar, u l-flus fil-but u l-konsum jiżdied; waqt li għallmuna ma nużawx iżjed kliem bħal ‘klassijiet soċjali’ għax dawk m’għadhomx jeżistu, ippermettejna tikber taħt imneħirna klassi mdaqqsa ta’ nies foqra, ta’ numru ta’ immigranti irregolari ta’ fuqhom senduqhom u kultant bla dinjità umana rispettata, ta’ ħaddiema b’jeddijiet imnaqqra, u ta’ nies emarġinati saħansitra mix-xibka ta’ ħarsien soċjali tant essenzjali għal dik il-koeżjoni soċjali li tikkaratterizza s-soċjetà ideali Ewropea. Il-fatt li fl-aħħar qed nagħrfu din ir-realtà huwa bidu u awgurju tajjeb.
Fost it-temi li jixraq nirriflettu fuqhom xtaqt insemmi r-riforma kostituzzjonali fejn jeżisti kunsens politiku wiesa’ biex il-Kostituzzjoni tiġi eżaminata mill-ġdid ħalli tkun tirrifletti aħjar il-ħtiġijiet u l-aspirazzjonijiet tal-poplu tagħna. Jidhirli li issa wasal iż-żmien biex isir titjib sostantiv ħalli jissaħħaħ ir-rwol awtonomu tal-President tar-Repubblika – kif diġà qed jindika l-istess poplu tagħna – kif ukoll ir-rwol awtonomu tal-parlament. Tali titjib iġib bilanċ akbar bejn l-organi u l-poteri tal-Istat minn dak li jeżisti llum u b’hekk tissaħħaħ aktar is-sistema demokratika f’pajjiżna u s-saltna tad-dritt.
L-okkażjoni tal-lum hija idonea biex wieħed jikkonċentra ftit fuq ir-rwol tal-President tar-Repubblika, partikolarment issa li wasal iż-żmien biex jintgħażel president ġdid (il-maskil jinkorpora il-femminil). Wieħed irid jirrifletti x’verament irridu minn din il-kariga u kif wieħed għandu jipproċedi biex issir l-aħjar għażla. Il-mira għandha tkun li jintgħażel president b’saħħtu li jista’ jgħaqqad il-forzi politiċi kollha warajh u li jkun aċċettat mill-poplu ħalli b’hekk jirrappreżenta verament l-għaqda fil-pajjiż.
Ir-realtà politika hija li ħafna drabi l-president ikun l-għażla tal-Prim Ministru li f’dak il-mument ikun igawdi l-maġġoranza fil-parlament. Dan il-metodu, għalkemm konformi mal-Kostituzzjoni, mhux intiż biex wieħed neċessarjament ifittex li ssir l-aħjar għażla tal-president. Naħseb ikun aħjar jekk l-għażla tal-president tkun frott ta’ konsensus wiesa’ milħuq mal-forzi kollha politiċi fil-pajjiż, f’qafas ta’ diskussjonijiet ġenwini biex jiġi assigurat li l-persuna magħżula tkun aċċettabbli għall-partijiet kollha u b’hekk tkun tista’ tagħti affidabilità li taqdi sewwa r-rwol tagħha. M’iniex b’daqshekk nimplika li ma ġarax hekk fil-passat, anzi nikkonferma li sar aktar minn hekk fl-aħħar għażla tal-president li kienet ukoll bla preċedent.
Punt ieħor ta’ kif l-awtonomija tal-president tista’ tkompli tissaħħaħ hu bil-protezzjoni tal-kariga li dan jeħtieġ jingħata waqt li huwa jkun qed jokkupa l-uffiċċju b’mod li ma jkunx iżjed jista’ jitneħħa b’sempliċi maġġoranza tal-Kamra tad-Deputati.
Punt ieħor li jista’ jiġi kkunsidrat huwa li l-funzjoni tal-president titwessa’ f’oqsma fejn hu jkun jista’ jaġixxi mingħajr il-parir tal-Prim Ministru. B’hekk il-president jingħata rwol ferm aktar attiv u deċiżiv bħal ngħidu aħna fl-għażla tal-membri ta’ organi kostituzzjonali. Naħseb li l-istess ħsieb għandu japplika meta xi abbozz ta’ liġi jiġi ppreżentat lill-President għall-kunsens li jrid jagħti skont il-Kostituzzjoni “mingħajr dewmien”. Wieħed forsi għandu jesplora jekk il-president għandux jirreferi lura għal darba waħda xi att parlamentari li hu jkollu xi riserva dwaru għall-konsiderazzjoni mill-ġdid tal-parlament.
Dan it-tisħiħ ta’ rwol awtonomu tal-president m’għandu b’ebda mod inaqqas mill-kontroll li hu meħtieġ li l-prim ministru jkollu fuq il-politika u t-treġija tal-pajjiż. Dan għaliex finalment il-gvern tal-ġurnata jkun ġie fdat mill-poplu biex imexxi lill-pajjiż u dik l-għażla trid tingħata l-piż politiku mistħoqq. Imma f’sistema demokratika vibranti huwa importanti li għal dak il-piż ikun hemm il-kontrapiż sabiex l-awtonomija tal-president tissaħħaħ u jkun verament jista’ jeżerċita rwol ta’ bilanċ u ta’ veru gwardjan tal-kostituzzjoni.
Tema oħra differenti li nixtieq insemmi hija l-edukazzjoni fl-iskejjel pubbliċi u l-illitteriżmu. Minkejja l-investiment qawwi li sar matul is-snin fl-edukazzjoni, minkejja l-livelli ta’ taħriġ tal-għalliema, minkejja n-nefqa u r-riżorsi kbar li jmorru għall-iskejjel tal-gvern, għadna ma sibniex irkaptu kif dan l-investiment materjali u uman insarrfuh fi prodott edukattiv eċċellenti. Ir-riżultat hu li iżjed u iżjed ġenituri jippreferu jibagħtu lil uliedhom fi skejjel oħra. Tibqa’ enigma dil-problema meta tqis li għandna servizzi pubbliċi oħra li huma ġeneralment imfaħħra u mfittxija aktar minn dawk privati, fosthom is-servizz mediku.
Insemmi t-transport pubbliku fejn minkejja l-investiment qawwi li sar, bqajna ma sibniex tarfu. U xi ngħidu għall-konġestjoni tat-traffiku li kuljum qed toħnoq it-toroq ewlenin tagħna, bil-ħela ta’ ħin produttiv, l-ispejjeż għal min isuq u t-tniġġis tal-arja li jġib miegħu. Nemmen li hawn jeħtieġ li tinstab soluzzjoni effettiva bla dewmien.
Fuq livell differenti, forsi l-iżjed vittma ċelebri tas-suċċess materjali huwa l-ambjent, suppost meqjus il-patrimonju nazzjonali ta’ kulħadd, imma fejn mhux kulħadd jikseb l-istess tgawdija minnu. L-importanza tal-industrija tal-bini fl-ekonomija tal-pajjiż, il-preferenza ta’ ħafna nies li jinvestu fil-proprjetà mħajrin mill-prezz għoli tal-bini, is-saħħa tal-iżviluppaturi u xi ftit ukoll il-mentalità li l-interess individwali jisboq dak komuni, ilkoll flimkien wasslu biex wesgħat kbar tal-gżejjer Maltin tgħattew bil-bini, bil-kampanja dejjem tirtira u tiċkien. Mhux qed jesaġera min jgħid li Malta ma tingħarafx minn dak li kienet ftit għexieren ta’ snin ilu, u f’dal-każ mhux b’kumpliment. Mingħajr ma trid tistaqsi: x’se jibqa’ għall-ġenerazzjonijiet li tilgħin jew li għad iridu jitwieldu?
Mhux l-għan ta’ dan id-diskors tal-lum li jpinġi xi xenarju negattiv jew apokalittiku tal-ġejjieni. Anzi, għandi fiduċja kbira fil-ħila tal-Maltin u l-Għawdxin li jegħlbu l-isfidi li jsibu quddiemhom. Dan mhux att ta’ fidi, imma fiduċja msejsa fuq l-għarfien ta’ kemm fl-imgħoddi ġarrabna qtigħ il-qalb sakemm għelibna l-ostakli kbar li sibna quddiemna. Iżda l-istess għarfien tal-imgħoddi jgħallimna li aħna sidien tad-destin tagħna, u fl-aħħar mill-aħħar iżjed ma nagħrfu x’jista’ jiġi għalina iżjed nistgħu naħsbu bl-għaqal kif ser nilqgħu għalih. Irridu fuq kollox nibżgħu għal dawk il-valuri li lilna dejjem saħħewna u ddistingwewna bħala pajjiż matul is-snin u li fasslu l-identità tagħna bħala poplu.
Fl-aħħar nett hija fin-natura, jekk mhux il-vizzju, tal-presidenti li jtemmu bl-appell għall-għaqda fost il-poplu. Jien kelli iżjed minn okkażjoni waħda, anki matul din il-presidenza, fejn rajt u għadni qed nara b’għajnejja u missejt b’idejja l-għaqda, speċjalment f’inizjattivi ta’ fejda lejn għajrna. Iżda l-għaqda li fuq kollox nixtieq nara, u miegħi bla dubju dawk kollha li jagħrfu x’inhu verament il-ġid komuni, hija dik li naħsbu fil-ġenerazzjonijiet li tilgħin warajna, billi nagħrfu llum x’se jkunu l-isfidi ta’ għada, inklużi dawk li ħloqna aħna stess, u nibdew naħsbu għalihom.
Nawgura lil dawk kollha li llum se jingħataw ġieħ u nixtieq il-Festi t-Tajba lil kulħadd.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en