Left arrow Go Back

JITNIEDA D-DESIGN BRIEF TAL-MUŻEW NAZZJONALI TAL-ARTI

pr2803
Date Icon 12/12/2013

Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella u l-Onor. José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali nedew id-design brief tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti li ser sir fil-Berġa tal-Italja.

L-Onor. Karmenu Vella semma’ kif bil-pubblikazzjoni ta’ dan id-design brief, il-Gvern qed iżomm mal-impenn li ta fil-ġimgħat li għaddew dwar il-proġett tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti fil-Berġa tal-Italja magħruf aħjar bħala Back Home Project.

Huwa fisser kif dan il-proġett mistenni jkun wieħed interattiv li jappella għaż-żminijiet tal-lum fejn mhux biss se jservi ta’ attrazzjoni turistika imma wkoll se jgħin fir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta.

Karmenu Vella saħaq li l-proġett tal-Mużew Nazzjonali tal-Arti li issa se jkun qed jingħata t-titlu ta’ ‘Muża’ se jkun qed iservi ta’ investiment fil-wirt artistiku fejn dan anke jikkontribwixxi lill-ekonomija. Fuq kollox se jkun qed iżid mal-esperjenza li t-turist jieħu f’pajjiżna anke billi jutilizza fil-prattika l-kunċett ta’ applied culture.

Il-Ministru għat-Turiżmu rrimarka kif proġett ta’ dan it-tip irid ikun self sustainable u mhux sempliċiment gallerija tal-arti. Ħabbar kif f’dan ir-rigward diġà saret applikazzjoni biex il-proġett jibbbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali tkellem fuq is-sinifikat ta’ dan il-proġett fejn din mhux ser tkun sempliċiment marbuta ma’ ċaqlieq tal-mużew minn binja għall-oħra iżda bidla radikali fil-mod ta’ kif qed jiġi ppreżentat dan il-mużew. MUŻA, li hija rapeżentazzjoni tal- Mużew Nazzjonali tal-Arti, ser  tipprovdi tipoloġija ġdida ta’ mużewijiet fis-seklu 21.

Dan il-mużew se jkun qed jiffoka fuq l-aspett innovattiv u kreattiv ta’ interpretazzjoni. Apparti l-preżentazzjoni tal-esebiti l-mużew ser ikollu narrattiva differenti. Dan kollu qiegħed isir sabiex jiġġenera udjenzi differenti u jibda jirrispondi għan-nuqqasijiet fil-kultura li ġew irreġistrati ftit ġimgħat ilu fil-Eurobarometer.

Huwa minħabba f’hekk li qiegħed jiġi ppublikat dan id-design brief ħalli jiġi identifikat sieħeb strateġiku li jista’ jassisti fid-disinn ta’ mużew li jappella kemm għall-udjenzi lokali kif ukoll għall-dawk internazzjonali.

Il-proġett mifrux fuq perjodu ta’ erba’ snin huwa stmat li se jiġi jiswa mal-€5 miljuni u li parti mill-fondi mistennija jmorru għar-restawr tal-Berġa tal-Italja.

Il-Muża mistenni jkun lest sas-sena 2018, is-sena li fiha l-Belt Valleta tkun qed tiċċelebra t-titlu ta’ Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Preżenti kien hemm iċ-chairman ta’ Heritage Malta Dr Joe Buttigieg u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tat-Turiżmu John Borg.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow