IMNIEDI L-PROĠETT LEAP; QABŻA ‘L QUDDIEM GĦALL-POLITIKA SOĊJALI F’PAJJIŻNA
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mal-Kummissarju Ewropew għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni László Andor, taw bidu għall-proġett LEAP, proġett ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.
Fl-indirizz tagħha l-Ministru Coleiro Preca qalet li llum huwa ‘l-ewwel pass fil-mixja tal-Gvern biex jirriforma l-politika soċjali f’pajjiżna.
Qalet li quddiem ir-rati dejjem jiżdiedu matul is-snin, b’mod partikolari tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, ta’ persuni inattivi u ta’ tfal jgħixu fil-faqar fost l-oħrajn, il-Gvern iddeċieda li jieħu azzjoni immedjata biex jassigura soċjeta’ ġusta li twieżen lil kulħadd.
L-Onor. Coleiro Preca qalet li l-proġett LEAP se jara wkoll it-twaqqif ta’ Ċentri ta’ Riżorsi għall-Familja, ċentri li joffru servizzi fil-qalba tal-komunita’ permezz ta’ public-social partnerships.
Dan huwa biss l-ewwel pass, qalet il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, fil-bidla assoluta li rridu nwettqu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi.
Minn naha tiegħu l-Kummissarju Ewropew László Andor li jinsab f’pajjiżna biex iniedi dan il-proġett, qal li l-ikbar sforz li trid tagħmel Malta hija l-ġlieda tagħha kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Dan għaliex ir-rata tal-faqar u l-eskluzjoni soċjali, qal il-Kummissarju Ewropew, ilha tikber mis-sena 2006.
Fejn jidħol ix-xogħol, Malta għandha stampa iktar pożittiva qal il-Kummissarju Ewropew, madankollu r-rata tal-early school leavers għadha pjuttost għolja.
Il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali tibqa’ prijorita’, qal László Andor, għaliex l-inklużjoni u l-ħolqien t’opportunitajiet jibqgħu l-valuri li tħaddan l-Unjoni Ewropea.
Waqt din it-tnedija tkellmu wkoll is-Segretarju Parlamentari Segretarju Parlamentari għall-Anzjanita' Attiva u d-Drittijiet ta' Persuni b' Diżabilita' l-Onor. Franco Mercieca u s-Segretarju Parlamentari għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Presidenza Ewropea 2017 l-Onor. Ian Borg.
L-Onor. Franco Mercieca semma l-isfidi kbar li qed jirriżultaw minn bidliet demografiċi f'Malta u anke lil minn xtutna b’żieda fil-persuni anzjani.
Fid-dawl ta’ dan huwa qal li l-Gvern nieda l-Politika Strateġika Nazzjonali għal Anzjanità Attiva bil-għan li żżid il-parteċipazzjoni attiva ta’ persuni anzjani fis-suq tax-xogħol, il-parteċipazzjoni tal-anzjani fis-soċjetà u l-għixien indipendenti.
L-Onor. Mercieca qal li l-proġett LEAP se jkun qed jgħin ukoll biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ din l-istrateġija nazzjonali.
Minn naħa tiegħu l-Onor. Ian Borg qal li l-inklużjoni soċjali hija waħda mill-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern għall-programm finanzjarju 2014 – 2020, fejn 20% tal-Fond Soċjali Ewropew ha jkunu allokati għal din il-kawża.
Matul it-tnedija l-Konsulent fi ħdan il-Ministeru ghall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Maria Rauch u l-Kap tad-Dipartiment tal-Istudji dwar il-Familja fi hħdan l-Universita’ ta’ Malta, taw preżentazzjoni dwar il-proġett.
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll l-Ambaxxatur Irlandiz għal Malta Jim Hennessy kif ukoll l-Konsulent Legali fi ħdan l-Ambaxxata Ġermaniza f’Malta Christina Montag.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en