Left arrow Mur Lura

PROMOZZJONI TA’ AKTAR NIĊEĊ TURISTIĊI

pr2777
Date Icon 10/12/2013

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella u l-Ministru għal Ghawdex Anton Refalo jżuru l-proġett l-Bethlehem f’Għajnsielem ftit jiem qabel jinfetaħ għall-pubbliku

Wara waqfa ta’ sena, iż-żona magħrufa bħala Ta’ Passi f’Għajnsielem Għawdex mistennija terġa’ tieħu l-ħajja bir-ritorn tal-proġett Bethlehem f’Għajnsielem. Il-proġett f’forma ta’ presepju ħaj huwa attrazzjoni unika, fejn tul pajsaġġ tradizzjonali joffri rakkont ħaj tal-ġrajja tat-twelid ta' Sidna Ġesu Kristu. F’din il-ħames edizzjoni, il-proġett Bethlehem f’Għajnsielem se jkun qed joffri bosta affarijiet ġodda fosthom rakkonti reliġjużi tal-ġrajja tal-Milied għat-tfal, u Belt ġdida li nbniet apposta. Bħalma seħħ f’edizzjonijiet tal-passat, l-għar prinċipali li jospita l-familja minn Nazareth b’Ġużeppi, il-Madonna u Ġesù Bambin jibqa’ l-qofol tal-presepju kollu.

Is-snajja’ tradizzjonali fosthom il-ħaddied, il-furnar, tas-sienja u snajja’ oħra li tradizzjonalment wieħed isibhom fil-presepju Malti, hawnhekk  jieħdu l-ħajja, b'aktar minn 150 attur janimaw dan il-presepju ħaj. 

Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella flimkien mal-Ministru għal Għawdex l-Onor. Anton Refalo akkumpanjati fost l-oħrajn miċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Dr Gavin Gulia, il-Kap Eżekuttiv Josef Formosa Gauci u minn Dr Joe Mifsud żaru l-proġett ta' Bethlehem f'Għajnsielem li t-tħejjijiet għalih ilhom għaddejjin ix-xhur. Kien spjegat kif l-attività li hi mifruxa fuq kważi xahar tirrikjedi ħafna xogħol u spejjeż, b’ħafna mix-xogħol sar fuq bażi volontarja.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella wera s-sodisfazzjoni tiegħu li għal darba oħra dan l-avveniment ser ikun qiegħed jerġa’ jittella’ wara waqfa ta' sena. Il-Ministru Vella saħaq dwar l-importanza li nkomplu nsaħħu niċeċ turistiċi ġodda bl-għan li l-prodott turistiku Malti jkompli jitjieb, b'mod speċjali fix-xhur tax-xitwa. Matul ix-xahar ta' Diċembru din l-attrazzjoni għandha tiġbed lejha eluf ta' turisti lejn Għawdex sabiex igawdu mit-tradizzjoni unika taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Milied Malti. Karmenu Vella semma kif l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qed tikkontribwixxi finanzjarjament f’dan il-proġett biex tassigura li din l-attrazzjoni turistika terġa’ tittella’ mill-ġdid u tkun suċċess. Barra minn hekk, din is-sena l-Awtorità qiegħda tippromwovi din l-attività f’pajjiżi Ewropej sabiex il-gżira Għawdxija tgawdi mill-massimu ta’ din l-inizjattiva. 

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo saħaq fuq l-importanza ta' dan l-avveniment l-aktar għaliex ta' kull sena dan il-presepju ħaj jiġbed eluf ta' nies lejn Għawdex f'xhur fejn it-turiżmu intern f’Għawdex ikun wieħed kajman. 

Huwa semma kif grazzi għall-inizjattiva tal-Ministru għal Għawdex flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Għajnsielem, il-Parroċċa tal-Madonna ta' Loretu, l-Għaqdiet kollha ta' Għajnsielem, kif ukoll individwi nominati mill-istess Ministeru, twaqqaf kumitat organizzattiv sabiex ikun assigurat li din l-attività terġa’ tittella’ mill-ġdid.

Bħalma seħħ f’edizzjonijiet passati, dawk li se jattendu se jkunu jistgħu jduqu wkoll għażla ta' ikel tradizzjonali u agrikolu Malti li se jissajjar fuq il-post. 

Il-proġett Bethlehem f’Għajnsielem mistenni jkun inawgurat uffiċjalment nhar is-Sibt 14 ta' Diċembru mill-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat flimkien mal-Isqof ta' Għawdex Monsinjur Mario Grech.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow