Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU

pr2769
Date Icon 09/12/2013

Magħżula l-abbozzi għall-monumenti nazzjonali tal-Prof Guido De Marco, il-Perit Dom Mintoff u t-Tabib Ċensu Tabone

Intagħżlu t-tliet abbozzi li se jsiru monumenti f’ġieħ l-eks-Presidenti Prof. Guido De Marco u t-Tabib Ċensu Tabone u l-eks Prim Ministru Dom Mintoff.

Heritage Malta, taħt il-patrunaġġ tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru u bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru tat-Trasport u Infrastruttura u l-Fondazzjoni għaċ-Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali Maltin għamlu sejħa għall-proposti ta’ abbozzi biex matul is-sena d-dieħla jsiru dawn il-monumenti.

Għal din is-sejħa daħlu 16-il abbozz li minnhom intgħażlu tlieta minn ġurija komposta minn periti, artisti, persuni intiżi fl-isfera kulturali, uffiċjali minn Heritage Malta u mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. L-għażla saret b’konsultazzjoni ma’ membri tal-familja tat-tliet personalitajiet li ħallew impatt fis-soċjetà Maltija matul l-aħħar 50 sena.

L-abbozz magħżula huma:

Il-Prof. Guido De Marco: Aaron Camilleri Cauchi

F’dan l-abbozz l-artist jippreżenta l-ħajja mimlija u attiva li kellu dan il-President permezz ta’ figura wieqfa sinonima mal-qagħda tal-Prof. De Marco. Rasu merfugħa ’l fuq tindika l-persważjoni u d-determinazzjoni li dejjem kellu dan il-personaġġ. Sabiex ifakkar li l-President Guido De Marco kien strumentali għad-dħul tal-Gżejjer Maltin fl-UE fis-sena 2004, l-artist qiegħed is-sieq ix-xellugija tax-xbieha b’pass mitfugħ aktar  ’il quddiem. Dan sabiex jimmarka li dan kien avveniment tassew importanti fl-istorja ta’ pajjiżna. L-artist sawwar il-figura ta’ De Marco bi ktieb miżmum maġenbu bl-id ix-xellugija. Dan jissimbolizza l-awtobijografija tal-President bl-istem ta’ The Politics of Persuasion.

Il-Perit Dom Mintoff: Alfred Camilleri Cauchi

F’dan l-abbozz f’ġieħ il-Prim Ministru Dom Mintoff tidher unikament il-figura tal-Perit f’qagħda imponenti. Dan ifakkarna f’dan il-politiku Malti li serva bħala Prim Ministru ta’ Malta għal erba’ leġiżlaturi. F’dan l-abbozz naraw lil Mintoff liebes qalziet, qmis u ġlekk, iżda mingħajr ingravata. Dan huwa stil sininomu mal-Perit li bih kien juri li għalkemm kien Prim Ministru, xorta waħda kien kapaċi jinżel għal-livell tal-poplu. L-id ix-xellugija tax-xbieha tidher tistrieħ fuq sidru. Huwa bħal donnu qiegħed iħaddan idu ma’ qalbu, l-istess bħalma ħaddem l-aspett soċjali ta’ Malta. Sabiex jindika l-progress li Malta għamlet fis-snin li matulhom Mintoff serva bħala Mexxej, l-artist sawwar dan l-abbozz b’tali mod li s-sieq il-leminija tal-figura qiegħda tagħmel pass ’il quddiem. Żewġ karatteristiċi oħra attribwiti mal-Perit Mintoff li l-artist għażel li jinkludi f’dan l-abbozz huma l-pipa li qiegħed iżomm f’idu x-xellugija kif ukoll iċ-ċintorin b’bokkla mdaqqsa. Fuq il-bokkla hemm imnaqqxa l-arma tar-Repubblika ta’ Malta, episodju fl-istorja ta’ pajjiżna li l-Prim Ministru Mintoff tant ħadem u stinka għalih. Lil Mintoff bosta jiftakruh fil-pożi li fiha sawru l-artist li tfakkarna wkoll fid-diversi mument ta’ taħdidiet li dan il-personaġġ importanti kien ikollu.

It-Tabib Ċensu Tabone: Alfred Camilleri Cauchi

F’dan l-abbozz għall-monument f’ġieħ il-President Ċensu Tabone tidher il-figura tal-personaġġ fil-qagħda li fiha jiftakruħ ħafna nies. Dan għax l-artist għażel li jippreżenta lil Ċensu Tabone b’rasu nklinata lejn il-lemin, bi tbissima fuq fommu u b’idu l-leminija mgħollija ’l fuq. Din il-pożizzjoni turi l-umiltà ta’ dan il-President li f’Għawdex kien magħruf bħala Ċensinu. Idu l-leminija merfugħa ’l fuq tissimbolizza l-professjoni tiegħu bħala professur tal-għajnejn kif ukoll tfakkar kif kien strumentali biex Dun Ġorġ Preca jkun kanonizzat bħala l-ewwel qaddis Malti. L-artist poġġa s-sieq il-leminija tal-figura ta’ Tabone b’pass ’il quddiem biex turi l-milja ta’ ħajjet Ċensu Tabone. Dan għaliex huwa ħaddem bħala tabib u anke professur tal-għajnejn, serva bħala Membru Parlamentari, Ministru u President ta’ Malta.


Issa jmiss li tibda konsultazzjoni bejn il-Gvern, l-artist u l-familja dwar kif se jidher finalment il-monument.

Kif tħabbar diġà l-monument tal-Prof. De Marco se jsir fil-Belt Valletta quddiem il-Qorti, tal-Perit Mintoff fil-Pjazza ta’ Kastilja fil-Belt Valletta u tat-Tabib Tabone f’San Ġiljan.

It-tliet personaġġi mmarkaw is-seklu l-ieħor f’Malta u kienu protagonisti fil-bidliet politiċi u soċjali ta’ pajjiżna. B’hekk il-monumenti se jkunu qed isiru s-sena d-dieħla meta Malta tkun qed tiċċelebra l-50 sena mill-Indipendenza, l-40 sena mir-Repubblika, il-35 anniversarju mill-Ħelsien u 10 snin mid-dħul ta’ Malta fl-UE.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow