ŻIEDA FIT-TKABBIR EKONOMIKU FROTT IĊ-ĊERTEZZA FIT-TMEXXIJA
Pajjiżna qed jilħaq rati ogħla ta’ tkabbir ekonomiku li jwasslu għal mira ta’ dan il-Gvern li kull Malti u Għawdxi jkollu livell tal-għajxien mhux inqas minn dak li jitgawda f’pajjiżi Ewropej aħjar minna.
Iċ-ċifri dwar it-tielet kwart tal-2013, ippubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, juru kif it-tkabbir reali fil-prodott gross domestiku kien ogħla mir-rata reġistrata fl-istess perjodu tas-sena l-oħra. Huwa sinifikanti li fiż-żewġ kwarti ta’ wara l-elezzjoni ġenerali, iġifieri bejn April u Settembru, r-rata ta’ tkabbir reali kienet ta’ 2.6% imqabbel ma’ 1.2% fl-istess perjodu tal-2012. Dan ir-riżultat jikkonferma li ċ-ċertezza li ġab dan il-Gvern fit-tmexxija tal-pajjiż wasslet biex iż-żieda fit-tkabbir ekonomiku tirdoppja.
L-ewwel indikazzjonijiet juru wkoll li l-konsum privat qed jibda jirpilja wara l-inċertezza li kienet qed tiddomina taħt amministrazzjoni preċedenti. Fiż-żewġ kwarti ta’ wara l-elezzjoni ġenerali kien hemm żieda ta’ 0.8% fil-konsum imqabbel mat-tnaqqis ta’ 1% li kien hemm fl-istess perjodu tas-sena li għaddiet. Riżultat pożittiv ieħor huwa dwar it-trażżin fid-deficit. Iċ-ċifri uffiċjali juru li l-ispiża tal-Gvern m’għadhiex tikber bir-rata allarmanti ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali.
L-istatistika hija xhieda li l-politika ekonomika ġdida ta’ dan il-Gvern bdiet tħalli l-frott tagħha biex pajjiżna jimxi ’l quddiem. L-istabbilità f’din il-leġislatura qed isservi bħala riżorsa ewlenija biex Malta tiżboq il-potenzjal tagħha u tattira lejha aktar investiment li jkattar ix-xogħol. Il-budget ippreżentat għas-sena d-dieħla huwa bbażat fuq l-għaqal bil-għan li kull spiża tirrispetta l-prinċipju li l-Gvern għandu jonfoq skont li jiflaħ il-pajjiż filwaqt li jaqta’ l-ħela u l-burokrazija żejda u jinċentiva l-bżulija.
B’din il-politika ta’ ċertezza jkollna Malta aktar b’saħħitha u Malta aktar ġusta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en