STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
Il-Prim Ministru jinnota dak li qed jgħid il-Kap tal-Oppożizzjoni li għandu jsir eżami tal-impatt qabel pajjiżna jdaħħal id-dritt li koppji gay japplikaw biex jaddottaw.
Il-proposta li qed jagħmel il-Gvern tmur lil hemm minn hekk, għax se jsir mhux rapport wieħed ġenerali iżda eżami individwali ta' kull każ. Dan se jitħalla f' idejn l-esperti bħal psikologi u social workers, u mhux f' idejn il-politiċi.
Il-Prim Ministru jinnota li hu kien għamel il-pożizzjoni tiegħu ċara ħafna qabel l-elezzjoni li dejjem għandu jsir skont l-aħjar interess tat-tfal, u li ma' din il-pożizzjoni kien qabel anki l-ex Prim Ministru Lawrence Gonzi. Iż-żewġ mexxejja kienu qablu li l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna m'għandhiex tkun fattur.
Għalhekk, il-pożizzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni llum hija pass lura.
Il-Gvern ifakkar li ma jeżistix dritt ta' addozzjoni iżda dritt li wieħed japplika biex ikun ikkunsidrat li jaddotta. L-addozzjoni mhix awtomatika iżda trid tkun rakkomandata minn grupp ta' nies esperti.
Il-Gvern ifakkar li llum il-ġurnata l-liġi ta' pajjiżna diġà tippermetti li persuna gay tapplika għal addozzjoni u jeżistu diversi każijiet diġà fejn saret addozzjoni.
Il-proċess li qed jipproponi l-Gvern inaqqas l-abbużi u jissikka l-proċess biex dejjem ikunu mħarsa l-aħjar interessi tat-tfal.
Il-Prim Ministru konsistenement ibbaża l-pożizzjoni tiegħu fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza. Saħansitra fil-Parlament għadna kemm illeġiżlajna biex il-Kostituzzjoni tinbidel biex jiżdied il-punt li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni abbażi ta’ orjentazzjoni sesswali.
Il-Prim Ministru jittama li l-Oppożizzjoni ma tħallix lill-Kap tagħha joħodha lura għal pożizzjoni aktar konservattiva minn dik li kellha qabel.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en