Left arrow Mur Lura

IL-GVERN INIEDI L-POLITIKA NAZZJONALI DWAR L-AVJAZZJONI ĊIVILI GĦAL MALTA

pr2759
Date Icon 07/12/2013

F’konferenza li saret illum f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi ġie ċċelebrat il-Jum Internazzjonali Dinji ta’ l-Avjazzjoni fejn il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella nieda għall-konsultazzjoni pubblika l-abbozz ta' politika Nazzjonali dwar l-avjazzjoni ċivili għal Malta li għandha tkopri l-perjodu 2014 sa 2020. 

Dan huwa l-ewwel abozz ta’ politika għall-avjazzjoni f’pajjiżna li hu maħsub li jigwida lil dan is-settur ‘il quddiem sabiex ikompli jitkattar u jikseb aktar suċċessi.

Dan il-Gvern identifika s-settur tal-Avjazzjoni bħala wieħed minn numru ta’ oqsma speċjalizzati li jistgħu joffru tkabbir fl-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Settur li huwa vitali għal setturi oħra l-aktar minħabba l-insularita’ ta’ pajjiżna. Primarjament is-settur turistiku li jiġġenera terz tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Kien propju għalhekk li l-Gvern poġġa taħt ir-responsabilta’ ta’ Ministeru wieħed dawn iż-żewġ oqsma, liema deċiżjoni tiġa qegħdin narawha tħalli frott kbir.

Id-dokument li ġie ppreżentat illum ġie mfassal minn kumitat konsultattiv imexxi mis-Sur Alfred Quintano u li fi ħdanu hemm numru ta’ esperti fil-qasam tal-avjazzjoni li ħadmu mill-qrib ma’ numru ta’ entitajiet ewlenin sabiex fasslu din il-politika. Matul il-konferenza s-Sur Quintano spjega fuq fuq il-kontenut primarju ta’ din il-politika filwaqt li wera s-sodisfazzjoni tiegħu għas-sehem dirett li taw il-membri tal-kumitat konsultattiv tal-avjazzjoni fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu.

Il-ħidma ta’ dan il-kumitat issa tkompli bit-twaqqif tal-Awtorita tal-Avjazzjoni Civili.

Il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella saħaq li dan id-dokument mhuwiex sempliċi pjan iżda politika li għandha sservi ta’ gwida ‘l quddiem. Fid-dawl ta’ numru ta’ nuqqasijiet li bħalissa jaf qiegħdin ixekklu lil din l-industrija, din il-politika għandha tagħti gwida ċara ta’ fejn nixtiequ nwasslu s-settur tal-avjazzjoni fis-snin li ġejjin.

Dan id-dokument ser ikun aċċessibli għall-pubbliku minn nhar it-Tnejn 9 ta' Diċembru fuq is-sit tal-Ministeru www.tourism.gov.mt. Dawk li jixtiequ jgħaddu l-kummenti u s-suġġerimenti tagħhom jistgħu jagħmlu dan fuq aviationpolicy@gov.mt

Illum qiegħed jiġi iċċelebrat ukoll għall-ewwel darba il-Jum Internazzjonali Dinji tal-Avjazzjoni. Din il-ġurnata kienet ġiet proklamata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti mill-1996 permezz tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ( ICAO) li Malta hija membru sħiħ u attiv tagħha. Dan il-jum ifakkar l-iffirmar tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali magħrufa aħjar bħala l- Konvenzjoni ta 'Chicago iffirmata fis-7 ta ' Diċembru 1944.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow