MHUX BISS L-AFRIKA TA’ ISFEL IŻDA D-DINJA KOLLHA TILFET STATISTA KBIR
‘Mhux biss l-Afrika t’Isfel, iżda d-dinja kollha, tilfet statista kbir li rnexxilu mhux biss jqiegħed lil pajjiżu fit-triq tad-demokrazija vera, iżda baqa’ sal-aħħar ikun ta’ eżempju ħaj u jispira lil kulħadd dwar kemm hu sew li l-popli jgħixu flimkien fil-paċi.’ Dan huwa l-kumment li għamel l-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onorevoli Anġlu Farrugia, meta tkellem dwar il-mewt ta’ Nelson Mandela l-lejl li għadda, fl-għomor ta’ 95 sena.
L-Onorevoli Anġlu Farrugia stqarr li jiftakar li meta kien żar l-Afrika t’Isfel tmien snin ilu, u ttieħed jara ċ-ċella li fiha kien ġie mitfugħ Mandela, kien baqa’ impressjonat bil-qalb qawwija li kellu dan l-istatista li, minkejja s-27 sena li qatta’ l-ħabs, ma qata’ qalbu qatt, u baqa’ jżomm sħiħ fir-rieda u fl-imħabba lejn pajjiżu.
Se jibqa’ mfakkar żgur bħala personalità unika li kien jispira l-għaqda u l-armonija li għandhom iressqu liċ-ċittadini tad-dinja sabiex jistmaw u jirrispettaw lil xulxin, tenna l-iSpeaker Malti.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en