MIŻURI KONKRETI DWAR L-IMMIGRAZZJONI FUQ LIVELL EWROPEW
It-Task Force tal-Meditteran ressqet lill-Kummissjoni Ewropea numru ta’ miżuri konkreti biex tittieħed azzjoni dwar l-immigrazzjoni llegali fil-Mediterran. Il-Kummissjoni Ewropea llum inkorporat dawn il-miżuri li Malta flimkien ma’ pajjiżi oħra tal-Mediterran saħqu fuqhom b’mod formali għall-ewwel darba.
Dan huwa pass ieħor ‘il quddiem wara l-pressjoni kbira li saret mill-Prim Ministru u l-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali f’fora Ewropej b’kordinazzjoni mingħajr preċedent ma’ pajjiżi oħra Ewropej.
Il-konklużjonijiet tax-xogħol li sar mill-Prim Ministru Malti fil-Kunsill Ewropew ta’ Settembru li sejjaħ għal ‘deċiżjonijiet operazzjonali’ fi żmien ftit ġimgħat issa qed jirriżultaw għall-ewwel darba f’dokument għal azzjoni kordinata Ewropea dwar l-immigrazzjoni.
Dan id-dokument se jkun il-bażi li fuqu jittieħdu d-deċiżjonijiet operazzjonali.
Il-punti ewlenin punt li Malta ressqet ‘il quddiem permezz tal-pressjoni li saret fuq livell Ewropew jinsab f’dan id-dokument li għandu jitressaq quddiem il-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja u Intern u l-Kunsill Ewropew ta’ Diċembru.
Fost dawn għajnuna konkreta lil Libja minn fejn jitilqu l-maġġoranza kbira ħafna tal-immigranti illegali fi triqthom lejn Malta. Għajnuna lil pajjiżi terzi biex immigranti jaqsmu lejn l-Ewropa b’mezzi legali u mhux b’dgħajjes b’periklu għall-ħajjithom. Iktar kordinament fuq titjiriet tal-Frontex biex jiġu ritornati lura immigranti li ma jingħatawx ażil. Sforz Ewropew diplomatiku ma’ pajjiżi Afrikani biex niżguraw ritorn għall-immigranti illegali li ma jingħatawx ażil. Għajnuna biex immigranti fl-Afrika ta’ Fuq jiġu ritornati lejn pajjiżhom. Ġlieda ikbar kontra r-racket kriminali organizzat ta’ traffikar ta’ persuni.
F’dan l-istadju l-Gvern huwa sodisfatt bix-xogħol tat-Task Force tal-Mediterran u bil-fatt li l-Kummissjoni Ewropew irrikonoxxiet dan f’dokument għad-diskussjoni tal-Kunsill Ewropew u dak tal-Ministri tal-Ġustizzja u l-Intern.
Minn diskors biss, issa wasalna għal commitments konkreti tal-Unjoni Ewropea. Il-pass li jmiss issa huwa li dawn il-miżuri jitwettqu. Malta tibqa’ tistenna azzjoni konkreta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en