Left arrow Go Back

SEMINAR ORGANIZZAT MILL-UFFIĊĊJU NAZZJONALI TAL-VERIFIKA U L-QORTI EWROPEA TAL-AWDITURI

pr2710
Date Icon 03/12/2013

L-awdituri tas-settur pubbliku dalgħodu ddiskutew f’Seminar kif il-ħidma tagħhom ta’ investigazzjoni u verifika teħtieġ tissaħħaħ fid-dawl tal-miżuri li qed tieħu l-Unjoni Ewropea (UE) biex ixxejjen il-kriżi finanzjarja u ekonomika.

Is-Seminar ġie organizzat flimkien bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO).  Fis-seminar ħadu sehem l-awdituri u l-uffiċjali tal-NAO u tal-IAID, id-Dipartiment tal-Investigazzjoni u tal-Awditjar Intern, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.  Is-Seminar kien indirizzat mid-Deputat Speaker l-Onor Ċensu Galea, mill-Awditur Ġenerali Anthony C. Mifsud u minn Dr Louis Galea.  Zacharias Kolias, Direttur tal-QEA, u Jacques Sciberras, Team Leader fil-QEA ta’ Landscape Review dwar il-kontabbilità u l-awditjar fl-Ewropa, preżentaw it-tema tas-seminar  “Żviluppi fl-UE b’rispons għall-kriżi finanzjarja u ekonomika: implikazzjonijiet għall-kontabbilita pubblika” sew fuq livell nazzjonali kif ukoll Ewropew.  Is-Seminar sar fil-Kamra tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament. 

Id-Deputy Speaker Ċensu Galea tkellem dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq il-popli tal-pajjiżi membri fl-UE u l-miżuri li qed tieħu l-Unjoni biex tikkumbatti l-effett tal-kriżi u tistabilizza u ssaħħaħ is-sistema finanzjarja Ewropea.  Il-Bank Ċentrali Ewropew u dawk fil-pajjiżi membri se jissaħħu bi strutturi ta’ sorveljanza u kontroll fuq il-banek kollha. 

Ċensu Galea tkellem ukoll dwar ir-responsabilitajiet tal-Gvernijiet u tal-Parlament Nazzjonali bl-iskop li l-finanzi pubbliċi jkunu mħarsa fl-interess taċ-ċittadini. 

L-Awditur Ġenerali Anthony C. Mifsud, tkellem dwar il-kontabilità u kontroll tal-fondi tal-UE.  Huwa sostna liċ-ċittadini għandhom dritt ikunu jafu kif flushom qed jintefqu u jekk hux qed iħallu valur. Għas-seba’ snin li ġejjin (2014 – 2020), l-UE qed talloka lil Malta madwar €1.3 biljun bl-iskop li jixprunaw l-iżvilupp ekonomiku ambjentali, agrikolu u soċjali fil-pajjiż.  Huwa fisser li l-NAO jaħdem f’kooperazjoni sħiħa mal-Parlament Malti, mad-Dipartiment tal-Investigazzjoni u Awditjar Intern u anke mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Louis Galea fisser li l-accountants u l-awdituri, sew fis-settur pubbliku u f’dak privat, huma ħolqa speċjali fil-katina li żżomm f’saħħitha id-dinja tal-finanzi.  Dr Galea sostna li l-accountants u awdituri li jaħdmu fis-settur privat qed jaqdu funzjoni pubblika serja għaliex fuq il-verifika u ċertifikati tagħhom tistrieħ il-fiduċja ta’ popli sħaħ fis-saħħa tal-banek u s-sistema finanzjarja.

Louis Galea fisser li fis-settur privat il-progress tal-impriżi, banek u kumpanniji finanzjarji jiddependi mix-xogħol integru u professjonali tal-accountants u l-awdituri. Dawn huma meħtieġa bil-liġi li jżommu kontijiet li jagħtu stampa vera tal-istat finanzjarju.  Fis-settur pubbliku, minbarra l-verifika tal-verità tal-kontijiet, l-accountants u l-awdituri jridu wkoll jeżaminaw l-effettività tas-sistemi ta’ sorveljanza u kontroll intern fid-dipartimenti, aġenziji u korpi pubbliċi.

Fil-preżentazzjoni tagħhom Jacques Sciberras u Zacharias Kolias urew kif l-UE irrispondiet għall-kriżi finanzjarja u ekonomika bi ftehim differenti, uħud fi ħdan l-Unjoni u oħrajn intergovermentali. Huma preżentaw ukoll il-passi li qed jittieħdu biex fl-Ewropa titwaqqaf  l-Unjoni tal-Banek Ewropej bl-iskop li jkun hemm sorveljanza sħiħa kontra riskji fis-sistema bankarja. L-istrutturi l-ġodda jippreżentaw sfidi komplessi għall-awditjar finanzjarju li jinvolvi biljuni kbar ta’ flejjes tal-poplu u ta’ nazzjonijiet sħaħ li jkunu qed jiġru fis-sistema finanzjarja li hija s-sinsla għal kull tkabbir ekonomiku u ħolqien ta’ xogħol.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow