FONDI BIEX JITWAQQAF REĠISTRU TAL-PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, l-Onor. Franco Mercieca ħabbar dalgħodu li l-Gvern irniexxielu jakkwista fondi Ewropej biex jitwaqqaf reġistru ta’ persuni b’diżabilità f’pajjiżna bl-iskop li pajjiżna jkollu stampa aktar ċara tas-settur tad-diżabilità f’pajjiżna u fuq kollox biex jiżu indirizzati aħjar is-servizzi offruti lill-persuni b’diżabilità.
L-Onor. Mercieca ħabbar din l-inizjattiva meta kien qiegħed jindirizza l-ftuħ ta’ konferenza nazzjonali fil-Jum Dinji ta’ Persuni b’Diżabilità bit-tema “Fuq Tlieta Toqgħod il-Borma: Aċċessibilità, Inklużjoni u Parteċipazzjoni” mtellgħa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari rrimarka li minkejja l-ħafna statistika li teżisti fis-settur tad-diżabilità, sallum pajjiżna għad m’għandux reġistru konkret ta’ persuni b’diżabilità. Dr Mercieca qal li permezz ta’ dan ir-reġistru, il-Gvern se jkun jista’ jippjana aħjar x’servizzi għandna noffru lill-persuni b’diżabilità bil-għan li nkomplu ntejbu l-kwalità ta’ ħajjithom. Qal li dan il-Gvern permezz tal-Fond Soċjali Ewropew se jkun qiegħed jagħmel analiżi ċara ta’ kemm għandna persuni b’diżabilità fil-gżejjer Maltin, x’diżabilità għandhom u x’servizzi għandhom bżonn biex jibqgħu inklużi fis-soċjetà.
“B’dan ir-reġistru mhux biss se jkollna stampa ċara tas-sitwazzjoni bħalissa, iżda se jkun qiegħed jgħina biex infasslu aħjar il-proġett tagħna ta’ Soċjetà Ġusta, waħda mill-ikbar wegħdi fil-programm elettorali ta’ dan il-Gvern”, saħaq l-Onor. Segretarju Parlamentari.
Dr Mercieca qal li fil-Baġit tħabbru diversi miżuri biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità fosthom l-idea ta’ trust u foundation biex inkunu nistgħu nħarsu l-patrimonju tal-persuni b’diżabilità, miżura li timxi b’mod parallel ma’ servizzi ta’ residenzi fil-komunità.
Is-Segretarju Parlamentari qal ukoll li bħalissa għaddejjin diskussjonjiet mal-KNPD biex is-servizzi offruti mill-Kummissjoni jgħaddu għand entitajiet governattivi oħrajn hekk kif titlob il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità. Huwa qal li l-Gvern qiegħed jaħdem fuq dan il-pass biex inkunu nistgħu noffru l-aqwa servizzi lill-persuni b’diżabilità.
“Aħna ninsabu kommessi għal dan il-qasam għax tabilħaqq nemmnu f’opportunitajiet indaqs għal kulħadd. Nemmnu li dan is-settur għandu bżonn leħen aktar sod u li b’ħidma ma’ kull min hu involut f’dan il-qasam se naslu biex inwettqu l-proġett tagħna ta’ Soċjetà Ġusta”, temm jgħid l-Onor. Segretarju Parlamentari.
Fi tmiem il-konferenza tkellmet il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca fejn aċċennat għall-bżonn li jkollna soċjeta’ aktar inklusiva.
Spjegat kif dan il-Gvern qed jibni politika soċjali integrata fejn il-persuni b’diżabilità jkunu fiċ-ċentru tagħha.
Il-persuni b’diżabilità għandhom ikollhom aktar vuċi u viżibilità, qalet il-Ministru Coleiro Preca u għalhekk stiednet lill-persuni b’diżabilità’ biex jersqu ‘l quddiem u jgħidu l-bżonnijiet tagħhom.
L-Onor. Coleiro Preca rreferiet għar-rapport ta’ riċerka li għamlet il-KNPD u qalet li filwaqt li għandek numru ta’ persuni b’diżabilità li għandhom dħul finanzjarju baxx, il-Gvern beda jindirizza dan permezz taż-żieda fid-disability allowance minn €16.31 għal €20 fil-ġimgħa.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en