15-IL LUKANDA F’MALTA U GĦAWDEX JIĠU EKO-ĊERTIFIKATI BI KRITERJI OGĦLA
L-Eko-Ċertifikazzjoni għal lukandi mħaddma mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu issa rikonoxxuta mill-Kunsill Dinji għat-Turiżmu Sostenibbli.
F’konferenza li saret illum fil-lukanda Hilton il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella ċċertifika 15-il lukanda bit-titlu ta’ eko-ċertifikazzjoni.
Din hija l-ewwel sena li l-lukandi f’Malta u Għawdex qegħdin jiġu ċertikati taħt il-kriterja tal-Kunsill Dinji għat-Turiżmu Sostenibbli (Global Sustainable Tourism Council). Dawn il-kriterji huma aktar komprensivi u jiġbru fihom numru ta’ oqsma differenti bħal l-aspetti soċjali, kulturali, ekonomiċi, kwalitattivi, is-saħħa, is-sigurtà, fost l-oħrajn. Permezz ta’ din l-isħubija l-iskema lokali llum għandha aktar valur u tista’ tkun komparata faċilment ma’ skemi nazzjonali oħrajn minn madwar id-dinja.
Dan il-programm għandu joffri aktar esperjenza u taħrig għal dawk direttament involuti fis-settur turistiku sabiex jippjanaw il-quddiem bi strateġiji aktar sostenibbli li jiksbu suċċess.
Fid-dawl ta’ dan il-Ministru Karmenu Vella wera l-apprezzament tiegħu għall-isforzi kbar li għamlu l-lukandiera filwaqt li esprima x-xewqa tiegħu li aktar lukandi, speċjalment dawk ta’ kategoriji baxxi jidħlu f’din l-iskema. Il-Ministru għamel ukoll referenza għall-iskema ta’ eko-ċertifikazzjoni għall-farmhouses f’Għawdex li ukoll ġiet estiża ftit tal-ġimgħat ilhu u li l-interess għaliha huwa wieħed pożittiv.
Hekk kif l-industrija tat-turiżmu mistennija tkompli tikber, magħha mistennija tikber ukoll id-domanda li l-istess industrija iġġib magħha. Għal dan il-għan għandha tingħata aktar importanza lil numru ta’ fatturi importanti, primarjament l-ambjent, il-kultura, l-wirt storiku u r-riżorsi naturali tagħna. Wieħed għandu jħares aktar lejn l-kunċett ta’ turiżmu sostenibbli bħala opportunità akbar sabiex jitjieb il-prodott turistiku u l-esperjenza għal viżitatur.
Matul il-konferenza tkellem ukoll Is-Sur Mauro Marocu, il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Dinji għat-Turiżmu Sostenibbli. Is-Sur Marocu saħaq fuq l-importanza li l-prodott turistiku jiżviluppa fuq il-prinċipji ta’ sostenibbiltà primarjament għaliex illum il-ġurnata t-turist mhux sempliċi jsiefer iżda jagħti importanza lejn il-prodott, il-kwalità u l-esperjenza.
Il-Ministru għat-Turiżmu temm id-diskors tiegħu billi saħaq li l-qasam turistku jista jkompli joffri aktar impjiegi f’pajjiżna u jsaħħaħ aktar l-ekonomija. Il-Ministru sostna li kull suċċess hemm marbut miegħu sagrifiċju u għaldaqstant irridu ngħarfu kif il-prodott ikun immexxi tajjeb fuq il-prinċipji ta’ sostenibbiltà sabiex nassiguraw li t-tkabbir mhux biss jimmassimizza l-benefiċċji kollha soċjo-ekonomiċi u iżda ukoll iħares l-impatt ambjentali u soċjali.
F’Malta u f’Għawdex s’issa hawn għaxar lukandi ta’ ħames stillel, għaxar lukandi ta’ erba’ stillel u tliet lukandi ta’ tlett stillel li huma eko-ċertifikati.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en