TNEDIJA UFFIĊJALI TAL-ATTIVITÀ MILIED MELLIEĦI 2013
“Irridu naħdmu aktar sabiex il-Kunsilli Lokali jaħdmu b’aktar awtonomija ħalli jkunu aktar b’saħħithom u jaġixxu aktar bħala Gvern Lokali ”
Dan qalu is-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali, l-Onor. José Herrera waqt konferenza stampa organizzata fl-Uffiċċju tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa. Matul din il-konferenza stampa tnediet b’mod uffiċċjali l-attività Milied Mellieħi, li se tkun organizzata bejn il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru 2013 u l-Erbgħa 25 ta’ Diċembru 2013. Din l-attività se tittella b’risq l-Istrina, fejn il-fondi kollha miġbura mill-bejgħ li jsir matul dawn l-erbat’ijiem imorru kollha kemm huma għal din il-kawża ġusta.
L-Onor Herrera saħaq fuq l-importanza ta’ dawn l-attivitajiet għax barra l-fatt li dawn jagħtu identità lil-lokalità, dawn qed jagħtu dimensjoni differenti lix-xogħol tal-kunsill. Intant għaddejjin diskussjonijiet ma’ l-istakeholders kollha f’dan il-qasam inkluż l-Oppożizzjoni fuq il-kunċett tal-Awtonomija Fiskali fejn jidher li hemm qbil fuq numru ta’ punti. “Matul iż-żmien li ġej ser jitniehda konkors biex jiġu xprunati ideat fuq dan is-suġġett, bil-għan li l-Kunsilli jiksbu ċertu awtonomija fikali u jkunu jiddependu anqas mill-Gvern Ċentrali u ngħatu aktar awtonomija lill-Kunsilli.”
Indirizzaw din il-konferenza stampa s-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa s-Sur John Buttigieg, il-viċi Sindku s-Sur Clayton Bartolo u l-Onorevoli Segretarju Parlamentari José Herrera. Din l-attività tifforma parti mill-programm li bih il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kklassifika fit-tieni post fil-Premju Nazzjonali għall-Appoġġ lill-Intrapriża li sar iktar kmieni din is-sena. Apparti minn hekk, din l-attività se tkun qed tibbenefika wkoll minn €7,000 f’fondi mill-Iskema għall-attivitajiet kulturali mnedija mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u l-Gvern Lokali flimkien mal-Ministeru tat-Turiżmu.
Il-ftuħ ta’ din l-attività se jsir fil-Knisja tal-Manikata fejn se jittella’ kunċert vokali u strumentali nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Diċembru. Għall-ewwel darba parti minn din l-attività se tkun organizzata fil-Manikata, fejn il-komunità kollha se tingħaqad flimkien għal dan iż-żmien ħelu tal-Milied.
Mis-Sibt 21 ta’ Diċembru l-attivitajiet jibdew jittellgħu fil-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa taħt tinda armata apposta għal din l-okkażjoni. Kant u varjetà, fost l-oħrajn bis-sehem tal-grupp Mellieħi MELBRASS, u l-Kor tal-Għaqda Mużikali Imperial.
Il-Ħadd 22 ta’ Diċembru 2013 l-attività tkun matul il-ġurnata kollha, fejn tibda b’attività għall-anzjani kollha bis-sehem tal-grupp folkloristiku Mellieħi SIMAR, isegwi festin tal-Milied għat-tfal u fil-għaxija ma tonqosx il-varjetà taħt it-tinda. Dan bis-sehem tal-iskola taż-żfin Artemocion u se jittella’ kunċert mill-band Melliħija JAMM, bl-isem ta’ Canzoni vs Songs. Hawnhekk dawk kollha li jżommu mat-Taljani u/jew mal-Ingliżi huma mħeġġa biex jilbsu l-flokkijiet tat-timijiet favoriti tagħhom u jiġu jagħtu l-appoġġ tagħhom lid-diski favoriti tagħhom.
It-Tnejn 23 ta’ Diċembru l-pubbliku hu mħeġġeġ jingħaqad mal-folla taħt it-tinda għal serata mtella’ mill-Junior Choir & Orchestra tal-Kor u Orkestra Maria Bambina, il-Big Friends Guggen Musik, Joe Grech (ex-New Cuorey) u Alice, u jagħlqu l-Big Band Brothers.
It-Tlieta 24 ta’ Diċembru kulħadd hu mħeġġeġ jattendi għall-aħħar serata qabel il-quddiesa ta’ Nofs il-Lejl fejn kulħadd jingħaqad għall-purċissjoni tradizzjonali mtella’ mis-soċjetà tal-MUSEUM, u kif ukoll kant u daqq bis-sehem tal-Kor Vuċijiet Vittorjani u kunċert mill-Għaqda Mużikali Imperial. Wara l-quddiesa ta’ Nofs il-Lejl ikun servut kolazzjoni tal-Milied taħt it-tinda.
L-attrazzjonijiet ivarjaw minn kant għal żfin, esebizzjonijiet ta’ arti, krafts u wirja tal-presepji, bejgħ ta’ kotba, pony rides, area tat-tfal, presepju ħaj, u bejgħ ta’ prodotti lokali. Ma jonqosx ukoll il-bejgħ ta’ ikel u xorb varjat mid-diversi għaqdiet Melleħin li se jkunu qegħdin jagħtu sehemhom waqt din l-attività.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en