STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI
Jidħol fis-seħħ ftehim bilaterali bejn Malta u New Zealand
Fil-bidu ta’ dan ix-xahar daħal fis-seħħ ftehim bilaterali li kien ġie iffirmat bejn Malta u New Zealand f’Lulju li għadda.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca uriet is-sodizfazzjon tagħha li wara tnax-il sena, il-Gvern Malti rnexxielu jilħaq ftehim mal-Gvern ta’ New Zealand biex Maltin li ġew lura f’pajjiżna u ħallsu kontribuzzjonijiet f’Malta u New Zealand jirċievu l-pensjoni minn New Zealand ukoll.
Il-Ministru Coleiro Preca spjegat kif dan il-ftehim qed jiffaċilità l-għoti tal-benefiċċji soċjali lill-persuni intitolati f’każ ta’ ċaqliq bejn iż-żewġ pajjiżi.
L-Onor. Coleiro Preca irringrazzjat lill-Ministru għall-Iżvilupp Soċjali ta’ New Zealand l-Onor. Paula Bennett għall-koperazzjoni li uriet biex jintlaħaq il-ftehim.
Preżenti għall-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Konslu Onorarju ta’ New Zealand Prof. Carmen Dalli u s-Sinjura Dorothy Xerri Stafrace li hija l-ewwel applikanta li se tkun qed tibbenifika minn dan il-ftehim.
Huma faħħru u rringrazzjaw lill-Ministru Coleiro Preca tas-sehem qawwi tagħha biex wara numru ta’ snin intlaħaq ftehim.
Il-benefiċċji soċjali koperti f’dan il-ftehim huma l-pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol f’Malta kif ukoll il-pensjonijiet imħallsa lill-persuni rtirati fi New Zealand.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en