Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-ONOR. OWEN BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-ĠUSTIZZJA FL-OKKAŻJONI TAL-PREŻENTAZZJONI TAR-RAPPORT FINALI TAL-KUMMISSJONI GĦAL RIFORMA ĦOLISTIKA FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA

pr2702
Date Icon 02/12/2013

Illum huwa mument importanti fil-qasam tal-Ġustizzja għaliex qegħdin nimxu pass ieħor lejn ir-riforma li l-poplu għandu dritt għaliha.

Illum wasalna fil-punt fejn il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika qed tippreżenta l-parir finali tagħha lill-Gvern dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex il-ġustizzja ssir aħjar u tidher li qed issir aħjar.

Hemm prattikament 450 miżura li huma frott l-ideat tal-Kummissjoni u l-frott ta’ tmien xhur ta’ konsultazzjoni vasta mal-istakeholders ewlenin u l-pubbliku in ġenerali. 

Nirringrazzja lill-istakeholders u l-pubbliku li pparteċipaw bi ħġarhom biex dan il-proċess wassal għal dan id-dokument finali li hu studjat u mirqum ħafna.  Nifraħ lill-membri emminenti tal-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika tal-ħidma kbira li wettqu fi żmien tant qasir.

Però nirringrazzja wkoll lil dawk il-persuni kollha li ferm qabel it-twelid ta’ din il-Kummissjoni ħadmu kemm felħu biex ir-riforma tal-ġustizzja titpoġġa fuq l-aġenda nazzjonali, fosthom Dr Franco Debono u Dr José Herrera.  Nemmen li kieku r-riforma tal-ġustizzja ma tpoġġietx fuq l-aġenda nazzjonali, kieku llum m’aħniex qed naraw din il-ħeġġa u l-enerġija kollha biex intejbu l-qasam tal-ġustizzja.

Diġà kellna okkażjoni nispjega li l-pajjiż m’għadx għandu l-lussu li jara jekk għandux jirriforma l-Qasam tal-Ġustizzja.  Pajjiżna jrid bilfors jirriforma l-Qasam tal-Ġustizzja kemm għaliex il-poplu jixraqlu l-aħjar servizz u kemm għaliex ir-riżultati li qed niksbu komparati ma’ sħabna fl-Unjoni Ewropea qed ipoġġuna fejn pajjiżna ma jixraqlux.

Ftit ilu ġie ppubblikat rapport ieħor mill-Eurobarometer dwar il-Ġustizzja fl-Unjoni Ewropea.  X’insibu?

Hemm punti fejn Malta hija aħjar minn ħaddieħor fil-qasam tal-Ġustizzja – bħall-aċċessibbiltà għas-sistema li hija aħjar mill-medja Ewropea, bħall-hidma tal-Gvern kontra l-korruzzjoni li hija aħjar mill-medja Ewropea u bħall-faċilità li bniedem isib avukat tal-fiduċja tiegħu li hija aħjar mill-medja Ewropea.  Biss għad-domanda l-iktar importanti, l-iktar fundamentali ta’ jekk il-poplu Malti għandux fiducja fis-sistema tal-ġustizzja tagħna nsibu li huma biss 45% li għandhom fiduċja.  Qabbel din mal-Fillandja, pereżempju, fejn ħamsa u tmenin fil-mija għandhom fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja tagħhom.

Dan m’hu sewwa.  Mhux sewwa għax hawnhekk qed nitkellmu fuq wieħed mill-pilastri ewlenin tad-demokrazija tagħna.  Mhux sewwa għal min fost il-ġudikanti u l-pracitioners tagħna qed jistinka u jagħmel sagrifiċċji kbar f’ħidmietu.  Mhux sewwa jekk aħna rridu nsiru l-iktar pajjiż kompetittiv fl-oqsma ekonomiċi.

X’inhu l-pass li jmiss?
Issa li r-rapport finali wasal għand il-Gvern, il-Gvern irid mingħajr ebda dewmien jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu.  Irid jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu dwar liema mill-pariri tad-dokument finali se jagħmel tiegħu, li ċertament se jkunu fil-maġġoranza assoluta għaliex huma frott ta’ djalogu twil ma’ kulħadd, u liema mill-pariri se jistudja b’iktar reqqa u dettall partikolarment fejn jidħlu emendi ta’ natura Kostituzzjonali.

F’dan l-eżerċizzju se ssir konsultazzjoni franka u ġenwina mal-Oppożizzjoni għaliex f’qasam delikat bħalma hu dak tal-Ġustizzja rridu nindokraw consensus li jkun ta’ ġid għal kulħadd u konsultazzjoni ongoing mal-istakeholders ewlenin sal-aħħar ġurnata ta’ din il-leġiżlatura.  Irridu nimxu ’l quddiem mhux b’għaġġla imma bi speditezza, b’determinazzjoni imma mhux b’suppervja.

Il-Gvern diġà pprepara dak kollu meħtieġ biex joħloq strutturi effettivi għall-implimentazzjoni tar-riforma u fi ftit ġimgħat se jinforma lill-pubbliku b’mod preċiż meta se jiġu implimentati l-miżuri maqbula skont is-suġġetti diversi u kemm se tiġi tiswa kull miżura.

Il-Kummissjoni għal Riforma Ħolistika fil-Qasam tal-Ġustizzja kisbet l-ammirazzjoni ta’ ħafna nies għaliex nemmen li qatt daqs illum ma rajna Kummissjoni li għamlet tant xogħol fi żmien tant qasir.

Issa li l-ballun qiegħed f’saqajn il-Gvern għandna determinazzjoni tal-azzar li x-xogħol enormi li wettaqtu nirripagawh b’ħidma kostanti ... għal ġustizzja aħjar.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow