IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-BIEDJA, SAJD U DRITTIJIET TAL-ANNIMALI JIPPARTEĊIPA FIL-LAQGĦA TAL-5+5 FL-ALĠERIJA
Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali l-Onor. Roderick Galdes fis-27 ta’ Novembru ipparteċipa fl-ewwel laqgħa ministerjali tal-pajjiżi tal-grupp ta’ pajjiżi ‘5+5’ tal-Mediterran tal-Punent dwar is-suġġett tas-sigurta’ tal-provvista tal-ikel fl-Alġerija. Għall-laqgħa attendew il-ħames pajjiżi tal-Unjoni Ewropeja (Malta, Italia, Franza, Portugal u Spanja) kif ukoll il-ħames pajjizi tan-naħa t’isfel tal-Mediterran (Libja, Algeria, Marokk, Tunezija u Mawritanja).
L-Onor. Galdes saħaq li din it-tip ta’ Alleanza Strateġika hija importanti sabiex ikun hemm ko-operazjoni għat-titjib tal-produzzjoni, ħazna u distribuzzjoni tal-ikel f’mod sostenibbli sabiex ikunu milħuqa l-ħteġijiet taċ-ċittadini fil-pajjiżi kollha u speċjalment dawk l-iżjed vulnerabbli. Il-ġlieda kontra l-ġuħ għandha tibqa’ prijorita’ fuq l-aġenda internazzjonali anki minħabba li hi waħda mill-kawżi li jwasslu għall-migrazzjoni, u f’dan il-kuntest l-Alġerija meta sejjħet din il-laqgħa kienet qegħda tkompli tibni fuq il-ħidma li saret minn Malta f’dan il-qasam permezz tal-isforzi diplomatiċi tagħha u l-importanza li tagħti lill-forum tal-5+5. Galdes emfasizza li l-lezzjonijiet tal-kriżi fil-prezzijiet tal-ikel li ġabu taqlib anki politiku f’ċerti pajjizi għandu iservu sabiex ikun hemm qsim ta’ informazzjoni bejn il-pajjizi li jnaqqas il-lok ta’ spekulazzjoni.
Id-dikjarazzjoni finali fost affarijiet oħra tisħaq dwar l-importanza li jiġu ġestiti aħjar ir-riżorsi tal-ilma fil-pajjiżi, kif ukoll li jkomplu jiżdiedu l-isforzi għall-ħolqien ta’ mekkaniżmi li jindirizzaw il-kriżijiet tal-ikel, iżda ukoll li jkabbru l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u n-nisa fil-produzzjoni tal-ikel.
Il-Ministri qablu wkoll li l-għaqda internazzjonali CIHEAM, li Malta wkoll tieħu sehem fiha b’mod attiv, għandha sservi rwol importanti fil-ko-ordinazzjoni u l-qsim tal-informazzjoni bejn il-pajjiżi sabiex ikomplu jiġu enfasizzati l-vantaġġi tad-dieta Mediterranja.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en