Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU KARMENU VELLA JISĦAQ LI L-ISTITUT GĦALL-ISTUDJI TURISTIĊI JISTA’ JKUN WIEĦED MILL-AQWA ISTITUZZJONIJIET TURISTIĊI MHUX BISS FIL-MEDITERRAN IMMA ANKE FL-UNJONI EWROPEA

pr2689
Date Icon 30/11/2013

Jiggradwaw 245 student mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi fi 17-il kors differenti

Wara bosta snin ta’ studju u impenn edukattiv, il-Ġimgħa filgħaxija, 245 student li jattendu l-Istitut għall-Istudji Turistiċi rċevew ir-rikonoxximent mistħoqq f’ċerimonja ta’ gradwazzjoni li kienet preseduta mill-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella.

L-istudenti gradwaw f’total ta’ 17-il kors differenti li jinkludu fost l-oħrajn Higher National Diploma f’Hospitality u Tourism Management, Studji Turistiċi, Hospitality Management, Diplomi fl-Arti Kulinarja, Events Management, u Travel & Tourism kif ukoll f’livell ta’ Ċertifikat fil-Preparazzjoni, Produzzjoni u Superviżjoni tal-Ikel u Hospitality Trades.

Fl-indirizz tiegħu lill-gradwati, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella sostna li ċ-ċerimonja ma kinitx it-tmiem tal-vjaġġ edukattiv tagħhom iżda l-bidu ta’ esperjenzi ġodda fejn it-tagħlim u t-taħriġ jibqgħu parti essenzjali mill-iżvilupp tal-istudenti.

Il-Ministru Vella fisser kif is-settur tat-turiżmu joffri ħafna opportunitajiet kif ukoll sfidi, filwaqt li nnota b’sodisfazzjon kbir kif 95% tal-istudenti li kull sena jispiċċaw mill-ITS jirnexxilhom isibu impjieg fit-turiżmu jew jagħżlu li jkomplu l-istudji turistiċi tagħhom. Dan apparti oħrajn li jagħżlu li jmorru jaħdmu pajjiżi oħra fejn saħansitra anke jagħmlu isem għalihom u għal pajjiżna.

Il-Ministru għat-Turiżmu appella lill-istudenti biex mhux biss ikunu dedikati f’xogħolhom iżda jżommu ruħhom kontinwament aġġornati fil-professjoni. “B’hekk biss tistgħu tgħollu l-livell tat-turiżmu Malti f’dinja fejn il-kompetizzjoni qiegħda dejjem tikber” sostna Karmenu Vella. Appellalhom ukoll biex jibqgħu jżommu kuntatt mal-ITS u jipparteċipaw fi strutturi bħal Alumni Association.

Dwar l-Istitut għall-Istudji Turistiċi l-Ministru Karmenu Vella qal li x-xewqa tal-Gvern hi li din l-istituzzjoni edukattiva tkompli tikber b’dimensjoni internazzjonali. Saħaq li l-ITS jista’ jkun wieħed mill-aqwa istituzzjonijiet turistiċi mhux biss fil-Mediterran imma anke fl-Unjoni Ewropea. Dan jista’ jkun possibli billi jitfasslu u jissaħħu l-korsijiet li jiġu offruti mhux biss skont il-bżonnijiet tal-industrija lokali iżda anke skont l-eżiġenzi Mediterranji u Ewropej.

Il-Ministru għat-Turiżmu sellem lill-akkademiċi kollha fl-ITS li bl-impenn tagħhom mexxew lill-istudenti fl-istudji u l-prattiċi professjonali tagħhom biex dan seta’ jissarraf fi kreattività u suċċess akkademiku, professjonali u vokazzjonali.

Esprima wkoll l-apprezzament tiegħu lill-amministrazzjoni u l-membri kollha tal-Bord tal-Gvernaturi tal-ITS għad-dedikazzjoni tax-xogħol tagħhom u għall-kontribut siewi li jagħti, kif ukoll lill-impjegati fil-Ministeru għat-Turiżmu, fl-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u fl-industrija lokali u internazzjonali.

Preżenti għaċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni kien hemm il-Kelliem Ewlieni tal-Oppożizzjoni għat-Turiżmu Robert Arrigo.
pr2689a.pdfpr2689a.pdf

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow