IĊ-ĊELEBRAZZJONI NAZZJONALI TAL-AĦĦAR TAS-SENA
It-tliet stazzjonijiet ewlenin televiżivi mistennija jingħaqdu flimkien biex għall-ewwel darba jxandru flimkien dan l-avveniment
Wara s-suċċess li nkiseb matul dawn l-aħħar snin, ser terġa’ tiġi organizzata ċ-ċelebrazzjoni tal-aħħar tas-sena, bil-qofol tagħha jintlaħaq fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. B’differenza għal snin oħra, din is-sena l-attivitajiet ser ikunu organizzati matul it-toroq tal-Belt Kapitali.
Waqt konferenza stampa, is-Sindku tal-Belt Alexei Dingli flimkien mas-Sur Owen Spiteri, kelliem għal G7 Events taw dettalji dwar l-attivitajiet li ser ikunu qegħdin jiġu organizzati fil-31 ta’ Diċembru.
Il-Ministru għat-Turiżmu l-Onor. Karmenu Vella tkellem fuq l-importanza li ċelebrazzjonijiet bħal dawn għandhom għas-settur turistiku f’pajjiżna. Semma kif attività bħal din se tkun qed iżżid mal-esperjenza lil dawk it-turisti li f’dawn iż-żminijiet se jkunu Malta għal btala biex anke jiċċelebraw il-ġranet tal-Milied.
Karmenu Vella żied ifisser kif dan jorbot ukoll mal-mira tal-Gvern li pajjiżna jkollu turiżmu s-sena kollha, b’emfasi partikolari fix-xhur tax-xitwa.
Huwa rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Belt li b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, is-Segretarjat Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali u l-V18 qed itellgħu din l-attività.
L-Onor José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali tkellem dwar is-suċċess ta’ din l-attività u kif din isservi bħala pjattaforma fejn jintwera l-prodott artistiku lokali. Huwa saħaq li din saret ċelebrazzjoni ta’ nazzjon bħalma jsir f’pajjiżi oħra madwar id-dinja u li tibni fuq dak li diġà sar bi preparazzjoni għall-2018. Huwa f’dan l-ambitu li l-countdown uffiċjali qed isir b’mod viżwali mill-istudenti tal-MCAST u li jibni fuq proġetti eżistenti li qed taħdem fuqhom il-Fondazzjoni V.18 bħal ma huwa il-proġett tal-cultural mapping.
Is-Sur Jason Micallef, Chairman tal-Fondazzjoni V.18 semma kif din mistennija tkun attività tal-massa li tgħaqqad lil kulħadd f’ċelebrazzjoni li hija riflessjoni ta’ dak kollu li jkun sar matul is-sena u fl-istess ħin awgurju għal sena oħra. B’differenza għal dak li sar fi snin li għaddew, din is-sena sar ftehim bejn l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali kollha sabiex isiru trasmissjonijiet konġunti.
Preżenti għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en