KAMPANJA DWAR L-ANTIBIJOTIĊI
Fix-xahar ta’ Novembru, fl-Ewropa kollha tinbeda kampanja fost il-pubbliku kif ukoll dawk li jaħdmu fil-kura tal-pazjent, dwar l-użu korrett tal-antibijotiċi.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet illum, il-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia qal li statistika li għadha kemm ġiet ippubblikata, il-Eurobarometer Survey, turi li Malta għandha l-għola użu ta’ antibijotiċi fl-Ewropa.
F'dan is-survey, 48% tal-Maltin iddikjaraw li ħadu mill-anqas kors wieħed ta’ antibijotiċi fl-aħħar sena. Dan huwa inkwetanti. L-istatistika turi wkoll li l-maġġoranza ta’ dawn ħadu l-antibijotiċi ġħal irjieħat jew uġieġħ fil-griżmejn.
Il-Ministru Farrugia qal li din hija sitwazzjoni li għandna bżonn inkomplu naħdmu fuqha. Ta’ min jġħid li meta mqabbel ma’ studju bħal dan li sar fl-2009, l-ammont ta’ Maltin li ħadu l-antibijotiċi naqas b’ 7%, li hija rata għola minn dik Ewropea.
Barra minn hekk, 34% ta’ Maltin qalu li minħabba l-kampanji li saru f’dawn l-aħħar snin, m’għadhomx jieħdu antibijotici mingħajr ir-riċetta tat-tabib jew inkellha m’għadhomx iżommu antibijotiċi fid-dar u mbaghad jeħduhom minn jeddhom.
L-istatistika turi wkoll li wieħed fil-mija biss qalu li ħadu antibijotiku mingħajr riċetta tat-tabib.
Dan huwa ta’ inkorraġġiment kbir, meta tqis li ftit aktar minn għaxar snin ilu dan il-persentaġġ kien ta’ tmintax fil-mija.
Dan juri li l-kampanji li saru fil-passat qed jagħtu frott. Madankollu għad baqa’ xogħol xi jsir.
Wieħed mill-aktar prattiċi ħżiena dwar l-użu tal-antibijotiċi huwa li dawn jittieħdu għal irjieħat, influenza jew uġiġħ fil-griżmejn. Dawn il-kundizzjonijiet huma kollha ikkawżati mill-viruses u għalhekk l-antibijotiċi qatt m’huma se jaħdmu fuqhom.
Dr. Michael Borg, Konsulent Infection Control Unit fl-Isptar Mater Dei, qal li f’dawn l-aħħar snin il-Kumitat Nazzjonali għall-Antibijotiċi ħareġ diversi linji gwida li għandhom jgħinu lit-tobba biex jevitaw li jippreskrivu antibijotiċi ġħal infezzjonijiet ħfief u biex l-antibijotiċi li jagħtu lill-pazjenti ma jkunux ta’ firxa wiesa’ għalxejn.
B’hekk ma ninkoraġġux li tiżdied ir-reżistenza fl-infezzjonijiet li naraw fil-pazjenti tagħna. Fl-istess ħin huwa essenzjali li pazjenti ma jagħmlux pressjoni fuq it-tobba biex jagħtuhom antibijotiċi meta ma jkunx hemm raġuni medika għalihom.
Għalhekk issir din il-kampanja kull sena. Huwa permezz tal-għajnuna ta’ kulħadd - dawk kollha li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u wkoll inthom il-mezzi tax-xandir - li nistgħu naħdmu flimkien biex din il-problema serja ta’ użu ta’ antibijotiċi bla bżonn, intaffuha fis-snin li ġejjin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en