TAGĦLIM INFORMALI GĦAL PERSUNI RREFERUTI LID-DIPARTIMENT TAL-PROBATION U L-PAROLE
Hekk kif għadha kif għaddiet il-ġimgħa tal-Ġustizzja Riparatriċi, id-Dipartiment tal-Probation u l-Parole (DPP) fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali , flimkien mal-organizzazzjoni Mid-Dlam għad-Dawl qed jorganizza kors immirat lejn persuni rreferuti lid-DPP u li għandhom problemi biex jerġgħu jirrijentegraw fis-soċjetà. Permezz ta’ dan il-kors, il-parteċipanti jingħataw għodda meħtieġa sabiex itejbu l-kwalità ta’ ħajja billi jiġu mgħejjuna jiżviluppaw ħiliet bażiċi fejn dawn ikunu nieqsa. Dan għandu sehem importanti fil-proċess ta’ rijabilitazzjoni ta’ dawn il-persuni. Dan il-kors huwa bbażat fuq tagħlim informali u hu addattat għall-persuni b’abiltajiet diversi minn ta’ xulxin.
Fil-preżent hawn madwar 950 persuna rreferuta mill-Qorti u li qed jużaw is-servizz ta’ dan id-Dipartiment, anke permezz tal-Att tal-Ġustizzja Riparatriċi. L-akkużi li dwarhom qed jiġu rreferuti għandna dawn il-persuni huma varji bħal ma huma diversi l-ħtiġijiet soċjali u rijabilitattivi tagħhom. Għalhekk, bħal ma qed isir f’dan il-kors, dan id-Dipartiment jikkollabora kontinwament ma’ aġenziji, dipartimenti u organizzazzjonijiet oħra sabiex jiġu offruti servizzi li jgħinu lil dawn l-individwi jegħlbu aħjar id-diffikultajiet tagħhom u jirċievu r-rijabilitazzjoni meħtieġa sabiex jintegraw ruħhom lura fis-soċjetà b’mod effettiv. L-għan aħħari huwa wkoll li dawn ma jirrikorrux lura għall-ħajja kriminali u li ma jkunux ta’ riskju għal ta’ madwarhom.
Mid-Dlam għad-Dawl hija organizzazzjoni li għandha esperjenza estensiva ma’ persuni li jkunu ġew f’kuntatt mas-sistema tal-ġustizzja kriminali u għalhekk tagħraf l-investiment li jeħtieġ li jsir sabiex dawn il-persuni u l-familjari tagħhom itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom b’impatt pożittiv anke għas-soċjetà li jgħixu fiha. Għal dan il-kors, Mid-Dlam għad-Dawl qed jiġu pprovduti fondi mill-Malta Community Chest Fund permezz tal-Istrina.
Il-Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Manuel Mallia rringrazzja lid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole tal-isforz li għamlu din is-sena, specjalment f’dak li jirrigwardja l-applikazzjonijiet tal-Parole, fejn għall-ewwel darba f’pajjiżna ġew aċċetati l-ewwel żewġ applikazzjonijiet. Dr. Mallia rringrazzja wkoll lill-għaqda Mid-Dlam ghad-Dawl tax-xogħol siewi li tagħmel. Fil-ġimgħa tal-Ġustizzja Riparatriċi, hu importanti li s-soċjetà tifhem li permezz ta’ edukazzjoni li tirriforma lill-priġunieri, inkunu qegħdin inkissru iċ-ċirku tal-kriminalità. B’hekk biss inkunu nistgħu niggarantixxu li s-soċjetà ma jkollhiex aktar reati kommessi minn repeat offenders li jfisser inqas vittmi. Dan il-gvern jibqa’ kommess biex permezz tal-edukazzjoni lir-residenti tal-Faċilità ta’ Kordin u tal-Yours, ikun hawn aktar sigurtà fis-soċjetà.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en