STQARRIJA TAL-GVERN
Ix-xogħol qed jinħoloq b’inċentivi lill-privat
Iċ-ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika juru li kien hemm tnaqqis fin-numru ta’ persuni bla xogħol. Minn xahar għal xahar, taħt din l-amministrazzjoni, ir-rata tal-qgħad qed tonqos.
L-istatistika tikkonferma li bejn Settembru u Ottubru, meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet, kien hemm titjieb ta’ mija u disgħa u sittin persuna fid-dinja tax-xogħol. Ix-xejra tal-qgħad qed tonqos l-aktar fost kategoriji diffiċli għall-qasam tax-xogħol bħaż-żgħażagħ u n-nies ta’ aktar minn 44 sena. Il-qgħad qed jonqos ukoll fil-gżira Għawdxija.
Dawn ir-riżultati jiżdiedu maż-żieda ta’ 3.6% fit-tieni kwart ta’ din is-sena, li hija l-akbar żieda fl-impjiegi mis-sena 2000. Sa llum pajjiżna għandu r-raba’ l-inqas rata ta’ qgħad fl-Unjoni Ewropea kollha u l-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li din ir-rata se tibqa tonqos.
Dan m’huwiex biżejjed u l-Gvern huwa kommess li jkompli joħloq l-aqwa klima li tiffaċilita iktar investiment mill-privat u iktar ħolqien ta’ impjiegi. Kien għalhekk li fil-budget għas-sena d-dieħla ttieħdu miżuri biex ikun eħfef għal aktar nies biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Fosthom l-għoti ta’ servizz ta’ childcare b’xejn għal kulħadd, it-tnaqqis fl-għola rata tat-taxxa u t-tnaqqis tat-taxxa fuq ħaddiema part-time, it-tfassil tal-iskema Making Work Pay u t-twaqqif ta’ programm ta’ 1.9 miljun ewro għax-xogħol f’Għawdex.
Fi tmien xhur biss ta’ dan il-Gvern, il-Malta Enterprise approvat 30 proġett barrani ġdid. Ħareġ sejħa għall-offerti għall-iżvilupp ta’ hub marittimu, żewġ casinos u l-bini ta’ yacht marina u cruise liner terminal f’Għawdex – ilkoll proġetti li attiraw lejhom interess qawwi minn konsorzja internazzjonali.
Żgur li dan il-Gvern mhux se jwebbel liż-żgħażagħ bi proġetti li ma jitwettqux. Ix-xogħol jinħoloq mhux bil-kliem iżda bil-fatti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en