Left arrow Go Back

Stqarrija konġunta maħruġa mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali u l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili

pr2632
Date Icon 25/11/2013

Studju dwar ir-relazzjoni li tista’ teżisti bejn il-bullying u l-vjolenza domestika

Huwa importanti li l-irġiel ikunu parti minn kampanja kontra l-vjolenza domestika.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li għamlu l-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca u l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili l-Onor. Dr. Helena Dalli, waqt it-tnedija tal-Koalizzjoni ta’ Irġiel kontra l-Vjolenza.

Din il-koalizzjoni ta’ għaqdiet mhux governattivi għandha l-għan li jġib aktar irġiel msieħba fil-kampanja kontra diversi forom ta’ vjolenza, li partikolarment issir fuq in-nisa.

Il-Ministru Coleiro Preca rreferiet għal rapport ppublikat mill-‘Progress in International Reading Survey’ (PIRLS) li juri s-sitwazzjoni tal-bullying f’pajjiżna.

Hija spjegat li r-riċerka internazzjonali turi li l-bullying fl-iskejjel jista’ jkun riflessjoni ta’ tip ta’ vjolenza li tkun għaddejja fid-dar.

Fin-nuqqas ta’ studju fuq livell lokali, l-Onor. Coleiro Preca ħabbret li fiż-żmien li ġej, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Vjolenza Domestika se tkun qed tagħmel studju dwar ir-relazzjoni bejn il-bullying u l-vjolenza domestika.

Hija faħħret l-inizzjativa ta’ forma ta’ koalizzjoni, fejn issa anki l-irġiel stess qed iqajmu kuxjenza dwar il-vjolenza domestika.

Sostniet li l-politika soċjali ta’ dan il-Gvern hija li tipprevedi l-problemi soċjali f’pajjiżna u għalhekk il-kollaborazzjoni mal-għaqdiet mhux governattivi m’hijiex biss fuq livell nazzjonali iżda anki fuq livell ta’ komunita’.

Il-Ministru Helena Dalli fakkret kif fl-1998, l-Gvern Laburista kien ippubblika White Paper dwar il-vjolenza domestika. 

Qalet li mal-bidla fil-Gvern aktar tard dik is-sena, il-Gvern Nazzjonalista kien żamm l-istess White Paper. 

Dott. Dalli qalet li l-liġi dwar il-vjolenza domestika għaddiet mill-Parlament b’kunsens bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra, liema kunsens għadu jeżisti sal-lum.

Dott. Dalli qalet li meta nitkellmu fuq il-vjolenza domestika rridu nitkellmu kemm fuq vjolenza fiżika, kif ukoll vjolenza emozzjonali u psikoloġika. 

Il-Ministru Dalli qalet li huwa importanti li ngħarfu li hawn diversi irġiel li wkoll huma vittmi tal-vjolenza, b’mod partikolari tal-vjolenza emozzjonali u psikoloġika.

Hawnhekk il-Ministru Dalli qalet li hu ta’ sodisfazzjon li l-kampanja Men Against Violence hija inizjattiva tal-irġiel. 

Hi qalet li huwa importanti ferm li l-irġiel ikunu involuti f’dan il-qasam tal-vjolenza domestika. 

Dott. Dalli qalet li s-sehem tal-irġiel għandu jgħin biex il-kampanja tkun aktar effettiva.

Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar il-mentalita` tas-soċjeta` fejn tidħol din it-tip ta’ vjolenza. 

Hija qalet li l-liġijiet waħedhom m’humiex biżżejjed biex niġġieldu l-problema.  Hemm bżonn ta’ bidla fil-kultura.

Dott. Dalli żiedet tgħid li din il-kampanja għandha tkun effettiva fit-tibdil tal-mentalita` għax se tgħin kif l-irġiel, u s-soċjeta` b’mod ġenerali, jħarsu lejn din il-problema soċjali. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow