Left arrow Go Back

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 fil-Palazz tal-President u fil-Parlament

pr2631
Date Icon 25/11/2013

Il-Malta-EU Steering and Action Committee (MEUSAC) – il-koordinatur nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013 – organizza Fiera taċ-Ċittadini bħala ċelebrazzjoni nazzjonali tas-Sena Ewropea li kellha bħala tema ċ-ċittadinanza Ewropea.  L-attività saret bil-kooperazzjoni tal-Uffiċċju tal-President, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, u Ċentri Nazzjonali ta’ Kuntatt dwar l-Unjoni Ewropea.

Matul l-attività, dawk kollha li żaru l-fiera setgħu jiġbru informazzjoni u jitkellmu ma’ rappreżentanti ta’ entitajiet u dipartimenti li pparteċipaw permezz ta’ stands ta’ informazzjoni.  Fost dawn kien hemm il-MEUSAC, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, il-Europe Direct, iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur, l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur, is-SOLVIT, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, il-European Employment Services(EURES), il-European Union Pogrammes Agency (EUPA), l-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni, il-Ministeru tas-Saħħa, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, Il-Planning and Priorities Coordination Division(PPCD) u d-Dipartiment tal-Gvern Lokali.

Barra minn hekk, il-Fiera kienet tinkludi attivitajiet għat-tfal b’tema relatata ma’ kif it-tfal jistgħu jkunu ċittadini responsabbli, u attivitajiet oħra dwar iċ-ċittadinanza attiva mis-Sea Cadet Corps, l-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC), l-Assoċjazzjoni ta’ Malta tal-Fiżjoterapisti u l-Iskola tal-Arti.  Matul il-ġurnata saru wkoll żjarat bil-gwida tas-swali prinċipali tal-Palazz tal-President, fejn kienet organizzata din il-fiera.

L-attività prinċipali waqt il-Fiera taċ-Ċittadini kien id-dibattitu speċjali fil-Kamra tar-Rappreżentanti bejn il-Membri tal-Parlament, il-Membri Parlamentari Ewropej u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili dwar proposti li joħorġu minn abbozz ta’ Ċarter dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea u dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar iċ-Ċittadinanza 2013.

Is-sessjoni kienet ippreseduta mid-Deputat Speaker, il-Perit Ċensu Galea, li fl-introduzzjoni tiegħu tkellem dwar kif m’hemmx Ewropa mingħajr ċittadini Ewropej, u għaldaqstant huwa essenzjali li ċ-ċittadin jifforma parti mill-proċess demokratiku u jkollu sehem attiv fit-tħaddim tad-demokrazija.  Il-Perit Galea qal li hija r-responsabbiltà tal-Membri Parlamentari, l-Membri Parlamentari Ewropew, u l-partijiet interessati fis-soċjetà ċivili sabiex jitwassal il-messaġġ Ewropew, u li l-poplu jkun informat dwar l-Unjoni u dwar x’impatt għandhom l-istituzzjonijiet Ewropej fuq ħajjet iċ-ċittadin. 

Il-MEUSAC se jressaq il-punti li ġew diskussi waqt is-sessjoni parlamentari lill-awtoritajiet konċernati u organizzazzjonijiet oħra bħall-European Citizen Action Service – l-organizzazzjoni li qiegħda tipproponi ċ-Ċarter dwar iċ-Ċittadinanza Ewropea. 

Waqt id-dibattitu ġew diskussi diversi punti, fosthom:

·         Il-ħtieġa ta’ aktar kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u s-soċjetà ċivili;

·         l-importanza li għandha tibqa’ tingħata lill-persuni vulnerabbli u lill-kunċett tal-ugwaljanza;

·         id-drittijiet tal-konsumaturi;

·         l-edukazzjoni lill-ġenerazzjonijiet iż-żgħar dwar dawn id-drittijiet għandha tkun prijorità;

·         is-sejħa biex tinbidel il-proċedura ta’ kif jivvutaw persuni b’diżabilità, u biex ikun hemm sistema li tirrispetta d-dinjità ta’ dawn il-persuni; u

·         il-bżonn li jiġi indirizzat id-defiċit demokratiku bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u ċ-ċittadini.

Il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, qalet li huwa l-impenn tal-Gvern li jikkonsulta mas-soċjeta` ċivili fuq diversi materji li jolqtu setturi differenti tas-soċjeta`. Dott. Dalli qalet li dan l-impenn, il-Gvern urih fid-diskors tal-Baġit, bit-tisħiħ tal-MEUSAC sabiex b’hekk inkunu nistgħu nkomplu ngħinu lill-NGOs u lill-kunsilli lokali jkomplu japplikaw għall-fondi Ewropej.

Hi qalet li diġa` beda x-xogħol biex l-istrutturi konsultattivi fi ħdan il-MEUSAC jassiguraw li l-proċess ta’ konsultazzjoni jkun tassew effettiv.  Il-Ministru Dalli qalet li affarijiet li jikkonċernaw liċ-ċittadini b’mod dirett qed jitpoġġew fuq quddiem tal-aġenda tal-MEUSAC.  Id-Deċiżjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew tagħmel enfasi fuq ir-rwol attiv taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentawhom, u tgħid li dan hu ċentrali għall-funzjonament tal-Unjoni. 

Il-Kap tal-MEUSAC, Dott. Vanni Xuereb, tkellem dwar l-isforzi tal-MEUSAC biex iċ-ċittadini jħossuhom dejjem iktar protagonisti fil-proġett Ewropew. Hu semma kif il-MEUSAC imexxi proċess strutturat ta’ konsultazzjoni bejn il-Gvern u s-soċjetá ċivili dwar politika u liġijiet tal-Unjoni Ewropea,  iwassal tagħrif liċ-ċittadini dwar dan u dwar diversi aspetti marbuta mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea inkluż dwar fondi tal-Unjoni Ewropea, u jassisti organizazzjonijiet tas-soċjetá ċivili u kunsilli lokali biex ifasslu u jissottomettu proposti ta’ proġetti li jiksbu finanzjament mill-Unjoni Ewropea.

Dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini 2013, Dott. Xuereb qal li bħala l-Kordinatur Nazzjonali tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini, matul din is-sena, il-MEUSAC intensifika l-ħidma tiegħu biex iressaq il-ħidma tal-Unjoni Ewropea lejn iċ-ċittadini u b’mod partikolari lejn iċ-ċittadini Maltin. Wieħed mill-għanijiet ta’ din is-Sena hu li kull ċittadin iħossu li hu Ewropew daqs kemm iħossu li hu ċittadin ta’ pajjiżu. 

Matul din is-sena, il-MEUSAC organizza numru ta’ attivtajiet, fosthom dibattiti pubbliċi, konferenzi u seminars immirati lejn setturi partikolari tas-soċjetà. Il-Fiera taċ-Ċittadini u attivitajiet oħra għas-Sena Ewropea kienu finanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Management Partnership bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-MEUSAC, li hu qafas għall-kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew fil-qasam tal-komunikazzjoni.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow