IL-GVERN JIDDISKUTI MAL-KUNSILLI LOKALI U OPERATURI TA’ SKEMI TA’ ĠBIR TAL-ISKART DWAR IR-RWOL POŻITTIV U QAWWI LI GĦANDHOM BIEX IS-SEPARAZZJONI TAL-ISKART ISSIR KIF SUPPOST
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat qal li l-Gvern jemmen bis-sħiħ fir-rwol pożittiv u qawwi li l-Kunsilli Lokali u l-operaturi li jiġbru l-iskart għandhom u jinħtieġ li jkollhom biex is-separazzjoni tal-iskart f’pajjiżna jssir kif suppost.
Huwa qal dan meta kien qiegħed jindirizza laqgħa li jtellgħat mill-Ministeru u li saret għall-Kunsilli Lokali u operaturi ta’ skemi ta’ ġbir tal-iskart, dwar l-abbozz tal-Pjan għall-Immaniġġjar tal-Iskart 2013-2020.
Il-Ministru Leo Brincat qal li jkollna kemm ikollna impjanti effiċjenti f’pajjiżna, jekk is-separazzjoni tal-iskart ma jssirx kif suppost f’ras il-għajn kollox jisfuma fix-xejn u nkomplu nitbiegħdu mill-miri li pajjiżna għandu quddiemu bħala stat membru tal-Unjoni Ewropeja.
Spjega li l-ħsieb mhuwiex kif ħasbu ħafna li tispiċċa l-borża s-sewda u tinżel għal darba fil-ġimgħa flok kif inhi illum u nieqfu hemm. Lanqas lit-tibdil mixtieq isir mill-lejl għan-nhar. Qal li l-mira tal-Gvern hija li wara li jibda jitħaddem l-impjant il-ġdid tal-Għallis ikollna sistema fejn inneħħu l-iskart organiku mill-borża s-sewda.
Il-Ministru Leo Brincat qal “jrridu naħsbu f’sistemi fejn il-ġbir tal-iskart mill-outlets kummerċjali jsir b’mod regolat u mill-Kunsilli Lokali, fejn dawn tal-aħħar ikollhom interess u inċentivi biex jiġbru u jisseparaw l-iskart tal-ażjendi kummerċjali, speċjalment tal-ikel u catering ħalli ma jkollnix aktar taħlit bejn skart domestiku u dak kummerċjali”. Ma’ dan qal il-Ministru Brincat hemm l-isforżi tal-familji biex jisseparaw l-iskart fi djarhom.
Huwa qal li l-Gvern ikun lest li jagħmel proposti formali lill-Gvern ċentrali nkluż inċentivi fiskali kemm-il darba jibdew jintlaħqu l-miri u dan ikun soġġett għal skrutinju u awditjar indipendenti minħabba l-użu ta’ fondi pubbliċi.
“Jrridu nisimgħu wkoll dwar kif ir-relazzjoni tal-Kunsilli Lokali u operaturi ta’ skemi għal ġbir tal-iskart mal-WasteServ tista’ timxi u titmexxa aħjar, b’mod aktar ekwu, ġust u trasparenti”.
Il-mira tal-Gvern hija li b’din ir-riforma l-Kunsilli Lokali u l-operaturi jmorru minn fuq u mhux minn taħt, lis-separazzjoni tal-iskart jibda jsir kif suppost u li l-użu tal-engineered landfills idealment jiġi eliminat.
Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet hemm bżonn sinerġija sħiħa bejn l-operaturi ta’ skemi ta’ ġbir tal-iskart, Kunsilli Lokali u kull min huwa involut fil-proċess nnifsu tal-ġbir u l-ipproċessar tal-iskart.
Minn naħa l-oħra s-Segretarju Parlamentari għall-Kultura u l-Kunsilli Lokali Jose Herrera qal li hemm bżonn li nifhmu sew x’inhuma l-miżuri li hemm bżonn li jittieħdu sabiex ikun hawn strateġija tal-iskart li mhux biss issarraf fil-figuri imma wkoll li tali strateġija jkollha l-appoġġ ta’ kulħadd.
“Jekk il-miżuri li jrridu nieħdu ma nippjanawhomx tajjeb ma jistax ikollna r-riżultati li nixtiequ. Jiena għalhekk nemmen ħafna fil-proċess ta’ konsultazzjoni u nappella biex ikomplu jiġu studjati u mgħarbla sew il-proposti biex isiru kummenti li jsaħħu dak propost”.
Is-Segretarju Parlamentari Jose Herrera wera’ l-fiduċja sħiħa li għandu f’dawk kollha li jiffurmaw parti mill-Gvernijiet Lokali u x-xogħol siewi li dawn jagħmlu għal lokalitajiet tagħhom.
“ Jiena konvint li b’koordinament flimkien, jiena u l-Ministru Brincat, il-Presidenti Reġjonali, is-Sindki u flimkien magħna jrridu ninvolvu dejjem lin-nies, għandna naslu biex nisseparaw aktar u nħamġu anqas. Huwa importanti li nifhmu li l-problema tal-iskart mhijiex ta’ xi individwi imma hija ta’ kulħadd”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Herrera.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en