Stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali
Iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Awtorita’ tad-Djar
Ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-Awtorita’ tad-Djar u l-Unjin Ħaddiema Magħqudin.
Waqt l-iffirmar ta’ dan il-ftehim, il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali l-Onor. Marie-Louise Coleiro Preca qalet li dan il-ftehim huwa turija ta’ fiduċja mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom.
Spjegat kif minħabba li l-amministrazzjoni preċedenti qatt ma waslet fi ftehim, il-ħaddiema kienu ilhom tlett snin mingħajr ftehim kollettiv ġdid.
Qalet kif dan il-Gvern mill-ewwel ħass il-ħtieġa li jilħaq ftehim fl-interess tal-ħaddiema u l-Awtorita`.
Il-Ministru Coleiro Preca rrimarkat għas-sitwazzjoni finanzjarja ħażina li tħalliet mill-Gvern preċedenti fejn issa d-deficit ilaħħaq il-ħames miljun ewro.
Sostniet li minkejja dan, il-ħaddiema se jirċievu żidiet għall-għarfien tax-xogħol tagħhom.
L-Onor. Coleiro Preca qalet li l-Awtorita` tad-Djar se tkun għaddejja minn riformi li mhux se jolqtu b’mod negattiv lill-ħaddiema.
Spjegat li dawn ir-riformi għandhom l-għan li jżidu l-effiċjenza biex il-persuni vulnerabbli li jersqu għand l-Awtorita` jirċievu servizzi adegwati.
Hija semmiet kif dan il-Gvern sab ħmistax -il sistema differenti tat-teknoloġija informatika u li l-ebda waħda ma kienet integrata.
Il-Ministru Coleiro Preca temmet tgħid li l-ftehim kollettiv huwa validu sal-aħħar tas-sena 2016 u ż-żidiet li ngħataw lill-ħaddiema huma relattivi mal-gradi tal-ħaddiema fis-servizz pubbliku.
Min-naħa tal-UĦM tkellem il-President Edwin Balzan li fisser dan il-ftehim bħala pass ‘l quddiem u rringrazzja lil dan il-Gvern għall-ftehim li ntlaħaq.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046