Left arrow Mur Lura

“SER TINBIDEL IL-LIĠI BIEX TITNEĦĦA Ċ-ĊENSURA”

pr2575
Date Icon 19/11/2013

L-Onor José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kultura u Gvern Lokali tkellem fuq kif matul il-ġimgħat li ġejjin ser ikun qed iressaq proposta quddiem il-kabinett imbagħad fil-Parlament sabiex tiġi emendata l-liġi sabiex iċ-ċensura fl-arti titneħħa.

“Matul is-snin li għaddew kien hemm każijiet fejn artisti ġew imressqa l-Qorti minħabba li l-liġi ma tippermettix illi jintuża ċertu lingwaġġ jew jintwerew ċertu xeni fi prodott artistiku anke jekk qegħdin f’kuntest aċċettabbli.” Dan qalu l-Onor. Herrera fil-Kavalier ta’ San Ġakbu waqt li kien qed jiftaħ il-festival Żigużajg. “Grazzi għal din l-emenda artisti jistgħu jserrħu rashom li l-produzzjoni jew ix-xogħol artistiku li jkun qed jittella’ ma jistax jiġi rtirat sakemm ma jkunx qed jikser il-liġi ta’ klassifikazzjoni tal-età.”

Meta kien qed jitkellem fuq ix-xenarju tal-kultura f’Malta tkellem dwar ir-riżultat tal-Eurostat li ġiet ippubblikata ftit ta’ ġranet ilu li turi kif il-ġenerazjoni żagħżugħa Maltija mhix qed tipparteċipa f’attivitajiet kulturali u artistiċi. Malta kklassifikat lejn l-aħħar f’survey dwar il-parteċipazzjoni kulturali. “Hija inkwetanti li tara li r-raġuni prinċipali li ingħatat meta mistoqsija għaliex ma jattendux kienet li mhumiex interessati fil-kultura. Huwa d-dover tiegħi li l-perċezzjoni tal-arti u l-kultura tinbidel u ntellgħu il-parteċipazzjoni f’dawn l-attivitajiet. Dan il-festival huwa pass fid-direzzjoni it-tajba sabiex inħeġġu dan l-interess fil-ġenerazzjonijiet li telgħin speċjalment meta tara il-kwalità ta’ produzzjonijiet li qegħdin jittellgħu kemm minn kumpaniji barranin kif ukoll minn dawk lokali. Hawnhekk nagħmel appell ukoll sabiex kumpaniji artistiċi Maltin jagħtu l-kontribut tagħhom ukoll għaliex jinħass in-nuqqas ukoll f’dan ir-rigward.”

L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ŻigŻajg, it-tielet sena konsekuttiva, tikkonsisti f’24 produzzjoni. Min dawn, nofshom huma imtella’ minn kumpaniji lokali filwaqt li l-bqija ġejjin minn pajjiżi differenti fosthom Spanja, l-Italia, Danimarka, Norveġja, Ġermanja, Slovenja, l-Olanda, Franza u l-Ingilterra. Ħafna mill-produzzjonijiet lokali ġew ikkomissjonati minn ŻiguŻajg bil-għan li mhux biss jittellgħu waqt il-festival imma sabiex iħajru dan ix-xogħol li jsib in-niċċa addattata.

Huwa mistenni li din is-sena il-parteċipazzjoni tlaħħaq il-15,000 mit-Tnejn 18 ta’ Novembru sal-Ħadd 24 ta’ Novembru. 6,004 ser ikunu tfal tal-iskola li ser ikunu qed jattendu matul il-ġimgħa matul il-ġurnata. Minn dawn 3,950 ġejjin minn skejjel tal-Istat filwaqt li 99t ġejjin minn skejjel tal-Knisja u 1,057 minn skejjel indipendenti. S’issa inħarġu aktar minn 7,500 biljett għall-pubbliku inġenerali u fadal madwar 1,500 għal kull min huwa interessat speċjalment għal dawk il-produzzjonijiet li jappellaw għall-etajiet minn għaxar snin il-fuq. Din hija il-faxxa ta’ żagħżagħ li ġiet indikata mill-Eurostat.

Dan il-festival huwa organiżżat miċ-Ċentru tal-Kreattivita tal-Kavalier ta’ San Ġakbu, li jservi bħala katalist importanti fix-xena lokali kontemporanja. Dan iċ-Ċentru qed jaħdem li jkun hub importanti fejn nies ta’ etajiet differenti u minn abiltajiet differenti jkunu jistgħu ikunu parteċipi fid-dinja tal-kreativita’. Permezz ta’ ŻiguŻajg u ttivitajiet oħra ta’ dan it-tip, iċ-Ċentru qed jgħaddi għarfien kulturali u estetiku lill-ġenerazzjoni żagħżugħa.

Dan il-festival ma setgħax jittella’ mingħajr l-għajnuna tal-isponsors, organizzazzjonijiet li qegħdin jgħinu u Partner Internazzjonali.

ll-Gvern ta’ Malta jiffinanzja l-parti l-kbira ta’ dan il-festival imma mhux possibbli mingħajr l-għajnuna tal-isponsors prinċipali li huma: il-Bank of Valletta, The Mackintosh Foundation, MSV Life, Wasteserv, l-Awtorita’ għat-Turiżmu Malti, ir-rapreżżentanti tal-Kummisjoni Ewropea f’Malta u l-Grand Hotel Excelsior.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow